Il-mekkaniżmu tal-COLA


Hu ironiku li l-istess Tonio Fenech u l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qegħdin kontinwament jattakkaw bl-aktar mod sfrenat il-mekkaniżmu tal-COLA, meta kienu l-istess Tonio Fenech u l-Partit Nazzjonalista li stabilixxew dan il-mekkaniżmu meta kienu fil-Gvern.

 

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI

costofliving

La dan il-Gvern, u lanqas ebda Gvern ta’ qabel, ma jista’ jieħu l-krettu għaż-żieda tal-COLA. Dan għaliex il-COLA tinħadem abbażi ta’ mekkaniżmu awtomatiku li hu stabbilit bil-liġi u bi qbil mal-imsieħba soċjali li jifformaw l-MCESD.

Tonio Fenech u l-Oppożizzjoni qed jippruvaw jagħtu l-impressjoni li ż-żieda tal-COLA tiġi deċiża mill-Gvern, meta jafu sew li l-mekkaniżmu tal-COLA hu bbażat fuq ir-rata tal-inflazzjoni tat-tnax-il xahar ta’ qabel b’mod li l-COLA titla’ hekk kif titla’ l-inflazzjoni.

Allura hu sorprendenti kif Tonio Fenech u l-Oppożizzjoni qed jiftaħru bil-fatt li tul l-amministrazzjoni tagħhom kien hemm żieda ogħla fil-COLA. Min illum qed jiftaħar bil-kumpens li ta għall-għoli tal-ħajja, jkun qed jikkonferma biss kemm fil-fatt kienu għoljin il-prezzijiet fi żmienu.

L-istatistika turi li, f’din il-leġiżlatura, l-inflazzjoni poġġiet inqas pressjoni fuq il-familji, grazzi primarjament għat-tnaqqis fil-kontijiet tad-dawl li żammew l-prezzijiet baxxi, filwaqt li poġġew €30 miljun fil-bwiet tal-familji u tal-ħaddiema.

Ta’ min jinnota li l-COLA hi indipendenti minn kull żieda oħra fil-paġi tas-settur pubbliku u privat. Fil-fatt, b’kollox il-pagi f’pajjiżna żdiedu b’madwar €154 miljun fl-aħħar sena. Apparti minn hekk, fl-ewwel nofs ta’ 2014, il-paga medja żdiedet b’ €8.60 għal kull impjegat meta mqabbla mas-sena ta’ qabel. Dan f’perjodu meta l-inflazzjoni kienet ta’ 0.3 fil-mija.

Madanakollu, il-Gvern xorta qiegħed iwassal il-messaġġ tiegħu lil dawk li jiddependu biss mill-COLA għaż-żieda fid-dħul tagħhom, u jwiegħed li jindirizza ċ-ċirkostanzi tagħhom.

 

– Monday, 27th October, 2014

 

govmt_logo   iNews_Logo

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *