Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ħabbar li bl-għan li jkompli jissaħħaħ id-Dipartiment tad-Dwana fil-ġlieda kontra l-importazzjoni ta’ sustanzi illegali u evażjoni fiskali, il-Gvern se jkompli jżid l-investiment kemm f’apparat sofistikat kif ukoll fir-riżorsi umani.
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI
Il-Ministru ħabbar dan meta kien qed jindirizza lill-impjegati tad-Dwana f’attività organizzata biex jitfakkar Jum id-Dwana.
Filwaqt li fil-Valletta Gateway Terminal qed jintuża scanner mobbli ġdid li għadu kif inxtara, għall-Freeport Terminal ser ikun qed jinxtara container scanner aktar modern. Se jkun qed isir ukoll investiment f’għodod elettroniċi li se jsaħħu d-Dwana mill-aspett ta’ intelligence.
Sadanittant mis-sena d-dieħla d-Dipartiment tad-Dwana se jkollu sezzjoni ġdida ta’ klieb biex jintużaw sabiex ikunu identifikati prodotti tat-tabakk, droga, u flus li jkunu qed jiddaħlu b’ mod illegali.
Fir-rigward tar-riżorsi umani l-Ministru Scicluna qal li l-Gvern huwa kommess li jsaħħaħ dan permezz ta’ reklutaġġ ta’ impjegati ġodda u bl-għoti ta’ aktar taħriġ lil dawk li diġà jaħdmu mad-Dwana.
Din is-sena hija meqjusa bħala waħda rekord fejn jirrigwarda qabdiet ta’ droga u oġġetti li kienu se jiddaħħlu f’pajjiżna b’kuntrabandu. “Kellna l-akbar qabda ta’ droga f’pajjiżna s’issa, dik ta’ madwar 300 kilo kokaina b’valur ta’ aktar minn €20 miljun, kif ukoll qabdiet sostanzjali ta’ sigaretti, fuel u anke flus mhux dikjarati. Intensifikajna l-ħidma kontra l-evażjoni tat-taxxa bid-Dipartiment tad-Dwana jkollu rwol importanti f’din il-ġlieda”, qal il-Ministru.
Id-Dipartiment tad-Dwana, apparti l-ħarsien tal-fruntieri, għandu r-rwol ukoll li jiġbor it-taxxi tas-sisa u d-dazju tal-importazzjoni li jammonta għal madwar €800 miljun f’sena, “flus meħtieġa ħafna mill-Gvern għas-servizzi soċjali, tas-saħħa, u l-edukazzjoni. Minkejja dan id-Dipartiment tad-Dwana jrid jara li fit-twettiq ta’ ħidmietu biex ikunu ssalvagwardjati l-interessi tal-pajjiż u tal-poplu ma joħloq ebda xkiel lin-negozjant permezz ta’ burokrazija żejda”, qal il-Ministru.
Filwaqt li faħħar u awgura lill-ħaddiema tad-Dwana għal ħidmiethom, il-Ministru appellalhom biex ikomplu juru amor proprju f’xogħolhom filwaqt li jżommu fuq quddiem nett il-prinċipji tal-integrità, is-serjetà, ir-rettezza, il-korrettezza, u l-kompetenza meħtieġa.
L-attività ta’ Jum id-Dwana ttellgħet fil-binja tad-Dwana fix-Xatt ta’ Pinto, il-Belt. Din il-binja hija waħda mill-ftit binjiet ta’ Żmien l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann li għadha sal-lum taqdi l-iskop oriġinali li għalih inbniet.
Saturday 23rd September 2017