F’pajjizna qabdet sew id-diskussjoni dwar jekk għandux jiżdied jew le, il-’leave’ tal-maternità. Kollox huwa instigat minn proposta li qiegħda ssir fl-Unjoni Ewropea. Dik li l-minimu ta’ ‘leave’ li jingħata jiżdied minn 14-il ġimgħa għal 20 ġimgħa, fil-każ tal-omm.
Huma diversi l-pajjiżi Ewropej li diġa’ għandhom iktar minn 20 ġimgħa ta’ ‘leave’ tal-maternità, iżda jekk din il-liġi tgħaddi, se taffettwa sew lil Malta.
Dan hekk kif bħalissa il-liġijiet ta’ pajjiżna jitolbu biss il-minimu ta’ 14-il ġimgħa. B’hekk, b’din il-proposta, il-‘leave’ se jkun qiegħed jiżdied b’sitt ġimgħat.
Qiegħed ikun propost ukoll li l-‘leave’ tal-paternità, bil-liġi, ikun ta’ ġimagħtejn.
Rapport Ewropew
Dawn il-proposti joħorġu mir-rapport tal-Membru tal-Parlament Ewropew, Portugiża, Edite Estrela.
Estrela targumenta li l-għan tar-rapport huwa li jidħlu miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li jkunu għadhom kif welldu jew ikunu qegħdin ireddgħu.
Estrela hija soda ħafna fl-argumentazzjoni tagħha dwar din iż-żieda. Fil-fatt, il-proposta oriġinali mill-Kummissjoni Ewropea, kienet tgħid li l-minimu għandu jitla’ għal 18-il ġimgħa, iżda fir-rapport tagħha l-Portugiża żiedet in-numru ta’ ġimgħat.
Mitluba tikkumenta dwar il-proposti tagħha Estrela saħqet li hekk kif l-Unjoni Ewropea se tkun qiegħda temenda direttiva li ilha fis-seħħ 18-il sena ikun ta’ għajb jekk il-kundizzjonijiet ma jitjiebux.
Estrela spjegat ukoll kif miżuri li hija qiegħda tipproponi huma diġà fis-seħħ f’xi pajjiżi, filwaqt li żiedet tgħid li l-pajjiżi membri se jkollhom tliet snin ċans biex idaħħlu l-miżuri kollha fis-seħħ, jekk ir-rapport tagħha jkun approvat.
Estrela spjegat ukoll li hemm żewġ tipi ta’ reżistenzi għal din il-proposta: “Hemm żewġ tipi ta’ reżistenza. L-ewwel hemm ir-reżistenza ideoloġika – hekk kif il-Parlament Ewropew jirrappreżenta nies minn oriġini differenti, kulturi differenti, pajjiżi differeti, b’ideoloġiji u esperjenzi differenti – dik tiġri meta niddibattu kwistjonijiet ta din in-natura, l-iktar meta jkun hemm l-opinjonijiet li l-mara għandha tibqa’ d-dar. Imbagħad, hemm ir-reżistenza finanzjarja, dawk li jargumentaw dwar l-ispiża.”
Għall-mistoqsija jekk dan iż-żmien ta’ riċessjoni hux ideali biex jidħlu miżuri ġodda, hija wieġbet hekk: “X’se jkunu l-konsegwenzi ta’ rata ta’ fertilità baxxa? It-tfal tal-lum huma dawk li għada jridu jħallsu t-taxxa u li għandhom ikunu responsabbli biex jigarantixxu s-sostenibbiltà tas-sigurtà soċjali.”
“In-nisa m’għandhomx ikunu obbligati biex jgħażlu bejn li jkunu ommijiet u per eżempju li jkollhom responsabbiltajiet ta’ ‘management’. Il-klassi tan-nofs ma tistax taffordja li toqgħod id-dar għal ħafna żmien, mingħajr l-ebda dħul, u perjodu twil ‘il bogħod mix-xogħol jgħamel id-dħul lura iktar diffiċli,” żiedet tgħid f’intervista fuq is-sit elettroniku tal-Parlament Ewropew.
Kwistjoni ta’ mentalità
Mitluba tikkummenta dwar il-proposta tal-’leave’ tal-paternità, Estrella qalet li din hija wkoll kwistjoni ta’ mentalità.
“F’pajjiżi fit-tramuntana tal-Ewropa, raġel li ma jieħux il-‘leave’ tal-paternità u mhux preżenti d-dar huwa meqjus bħala missier ħażin. Fin-naħa ta’ isfel raġel li jieħu l-‘leave’ tal-paternità huwa meqjus bħala ħaddiem ħażin,” qalet Estrella.
“Jiena favur li jinqasmu t-tipi kollha ta’ responsabbiltajiet,” insistiet Estrella.
Jingħad li miżuri simili jistgħu jgħinu biex iktar nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol, anke jekk ma jeżistix qbil dwar kemm se jkun b’saħħtu dan l-impatt.
Li hu żgur hu, li l-aħħar ċifri ppubblikati mill-Unjoni Ewropea jikkonfermaw il-ħtieġa li din r-rata ta’ parteċipazzjoni tan-nisa, f’pajjiżna, tiżdied. Fil-fatt Malta għandha l-inqas numru ta’ nisa fid-dinja tax-xogħol b’37.7%. Dan meta mqabbel mal-medja tal-Unjoni Ewropea li huwa 58.6%.
Konklużjonijiet diversi
Fl-aħħar xhur saru żewġ rapporti dwar dak li qiegħda tipproponi Estrela. Wieħed kien ikkummissjonat mill-għaqdiet ta’ min iħaddem (MBB) u ieħor ikkummissjonat mill-Fondazzjoni IDEAT, li sar mill-Membru Parlamentari Ewropew il-Professur Edward Scicluna. Ir-rapport ta’ Scicluna huwa ferm iktar ottimist minn dak tal-MBB, fejn għandu x’jaqsam ir-riżultat li miżura simili jista’ jkollha.
L-MBB qalu li l-leave tal-maternità u tal-paternità flimkien jiswew lill-pajjiż mat-12-il miljun ewro fis-sena, bl-effett ikun wieħed remot. Scicluna jgħid li din iċ-ċifra hija waħda eċċessiva filwaqt li jgħid li l-impatt ta’ miżura simili għandu jkun wieħed tajjeb ferm.
It-TORĊA tkellmet ma’ Scicluna, fejn tlabnih jispjega ċertu konklużjonijjiet tar-rapport tiegħu.
Filwaqt li fir-rapport tiegħek tistma li ż-żieda fil-leave tal-maternità tiswa lill-pajjiż ħames miljun ewro, dak ikkummissjonat mill-għaqdiet ta’ min iħaddem jistma li din se tiswa 7.5 miljun ewro. Mill-analiżi tiegħek minn fejn tirriżulta din id-differenza? Hemm differenza wkoll fil-każ tal-leave tal-paternità fejn l-MBB qalet li se jiswa mal-4.5 miljun ewro. Tista’ tispjega?
Sew it-teorija ekonomika tas-swieq kif ukoll xogħol ekonometriku bbażat fuq teorija tad-“duality” minn Diewert u oħrajn f’dan il-kamp, juru li l-bidla marġinali fil-produzzjoni ta’ ażjenda meta jiżdied jew jitnaqqas ħaddiem tiġi kkalkulata l-aħjar permezz tal-paga ta’ dik il-persuna. Mhux sew li żżid il-profitti wkoll. Jekk tieħu ċ-cifri li rriżultaw lill-MBB u tibbażaha kif suppost, iċ-ċifra taqa’ kważi bin-nofs.
L-istess jiġri fil-każ tal-‘leave’ tal-paternità, s’intendi kalkulati fuq is-salarji tal-irġiel u skont is-setturi li jaħdmu fihom.
Meta mbagħad tikkonsidra li fil-każ tan-nisa hemm indikazzjonijiet li din iċ-ċifra, ta’ 2,268 mara li kienu intitolati għal leave tal-maternità, kienet minfuħa żżejjed minħabba l-assunzjoni tar-Rapport tal-MBB li mara ta’ ċerta età, per eżempju 20 sena, għandha l-istess probabbiltà li jkollha tarbija sew jekk taħdem u sew jekk għażlet li toqgħod id-dar biex trabbi familja. Dan ma japplikax fil-każ ta’ Malta fejn ħafna nisa jiddeċiedu li jieqfu mix-xogħol espressament biex irabbu familja.
U għalhekk ir-rapport tiegħi qiegħed jirrakkomanda li minflok ħafna stimi bbażati fuq assunzjonijiet, il-gvern għandu jiġbor l-istatistika preċiża ta’ dawk in-nisa li għamlu użu mil-leave tal-maternità matul is-sena b’informazzjoni ta’ fejn jaħdmu u kemm ħadu leave tal-maternità u kemm tħallsu waqt dan il-leave.
Din iċ-ċifra meta tapplikaha għal sitt ġimgħat ta’ leave tal-maternità u ġimgħatejn leave ta’ paternità għandha toqrob iktar lejn il-ħames miljun ewro milli għat-12-il miljun ewro ta’ spiża.
Ingħad li l-leave tal-maternità jista’ jkollu effett inċert fuq ir-rata ta’ parteċipazzjoni tal-mara fid-dinja tax-xogħol. Żgur li għandek ħsibijiet differenti, tant li r-rapport tiegħek jikkonkludi li jista’ jkun hemm żieda ta’ 9%. Kemm hija reali din iċ-ċifra? Ħafna raw l-ammont ta’ 9% bħala wieħed ottimistiku wisq.
Studji xjentifiċi li saru f’ħafna pajjiżi tad-dinja, inkluż fl-Unjoni Ewropea, minn istituzzjonijiet ta’ riċerka bħalma hi l-OECD u l-Bank Ċentrali Ewropew, juru b’ċertezza li sa perjodu ta’ madwar disa’ xhur leave tal-maternità, l-għotja ta’ kull ġimgħa ta’ leave tal-maternità żżid ir-rata ta’ parteċipazzjoni tan-nisa fl-età ta’ bejn 25 u 54 sena (prime age). Imbagħad dawn l-istudji josservaw li r-rata ta’ parteċipazzjoni tibda tiġi effettwata negattivament jekk il-leave jitwal aktar minn disa’ xhur. Fuq il-bażi tal-istudju riċenti tal-Bank Ċentrali Ewropew, f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, fuq medda ta’ 20 sena, il-projections applikati għal żieda ta’ sitt ġimgħat leave ‘il fuq mill-14-il ġimgħa leave li diġà jingħata huma ta’ disa’ punti perċentwali fuq ir-rati eżistenti tal-‘prime age women’.
Fil-każ ta’ Malta dawn jissarrfu f’madwar 7,500 mara li jitħajru joħorġu jaħdmu b’riżultat ta’ dan il-benefiċċju.
Fuq skala nazzjonali, għal etajiet ta’ bejn 15 u 64 sena, b’din iż-żieda r-rata ta’ parteċipazzjoni titla’ għal ftit iżjed minn ħames punti perċentwali.
Irridu ngħidu li jekk tingħata, Malta b’din iċ-ċifra addizzjonali xorta tibqa’ l-aħħar f’dik li hija rata ta’ parteċipazzjoni femminili fl-Unjoni Ewropea.
F’Malta huwa l-privat li jħallas għal-leave tal-maternità. X’inhu l-impatt ta’ dan?
Is-sistema preżenti hija inġusta u diskriminatorja mhux biss fil-konfront ta’ min iħaddem, imma wkoll fil-konfront tal-ħaddiema nisa.
Min iħaddem ħaddiema nisa qed ikun ‘penalizzat’ għax irid iġorr il-piż kollu waħdu meta jħallas il-leave tal-maternità. Dan huwa inġust.
Min-naħa l-oħra, huwa inġust fil-konfront ta’ ħaddiema nisa, speċjalment żgħażagħ, li jkunu qegħdin ifittxu x-xogħol u li għalih ikunu qed jikkompetu magħhom ħaddiema rġiel. Min iħaddem ċertament li jieħu inkonsiderazzjoni r-‘riskju’ li l-ħaddiema żgħażagħ nisa jistgħu joħorgu tqal, bil-‘konsegwenza’ li jridu jingħataw is-salarju xorta waħda fil-pagi offruti, jiġifieri aktar baxxi, proprju minħabba l-possibiltà tal-leave tal-maternità.
Għandu jkun il-gvern li jagħmel taj jeb għaż-żieda fil-leave tal-maternità, la darba qed jinġieb l-argument li l-pajjiż u l-ekonomija se jgawdu?
Ħafna jħobbu jirreferu għall-ħlas tal-leave tal-maternità bħala piż. F’dan il-kuntest m’huwa xejn differenti minn obbligi soċjali oħrajn, bħall-ħlas waqt l-irtirar (pensjonijiet); ħlas għal waqt il-mard (sick leave); u ħlas għal waqt il-qgħad (unemployment benefit). Il-leave tal-maternità huwa obbligu soċjali ieħor bħal dawn kollha.
Però b’differenza mill-obbligi soċjali l-oħra, fil-każ tal-’leave’ tal-maternità hemm provi xjentifiċi ċari li juru li l-pajjiż jiffranka spejjeż relatati ma’ problemi ta’ saħħa tal-omm u t-tarbija, iżda wkoll, bħalma wrejna, hemm impatt pożittiv qawwi fuq l-ekonomija tal-pajjiż.
Dan il-gwadann tal-aħħar kien ukoll enfasizzat mill-Aġenda ta’ Lisbona tal-UE li poġġiet iż-żieda fil-parteċipazzjoni tal-mara bħala waħda mill-miri ewlenin.
Fuq iċ-ċifri tar-rapport tiegħi nistma mill-inqas illi kieku kellek timmultiplika l-ammont ta’ impjiegi ġodda, madwar 7,500, b’salarju medju ta’ €10,000 fis-sena, dawn iġibu medja ta’ bejn €70 u €80 miljun fis-sena f’valur addizzjonali.
Altru milli dan huwa piż, dan huwa investiment ekonomiku u soċjali li l-pajjiż għandu jidħol għalih. L-importanti hu li l-ispiża tiegħu tinfirex fuq kull settur ekonomiku tal-pajjiż bħalma tinfirex l-ispiża tal-obbligi soċjali l-oħrajn. Hemm ħafna skemi li taħthom dan jista’ jsir.
It-Torċa – 15 ta’ Awissu, 2010
minn Aleander Balzan
One response to “Il-‘leave’ tal-maternità: Kemm huwa biżżejjed?”
Good day! Do you know if they make any plugins to assist with Search Engine Optimization? I’m trying to get my
site to rank for some targeted keywords but I’m not seeing very good success.
If you know of any please share. Thanks! I saw similar art here: Eco wool