Wara li l-Kummissjoni Ewropea rrevediet ‘l fuq it-tbassir tagħha tal-andament ekonomiku ta’ pajjiżna, issa kien imiss lill-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF).
F’Ottubru li għadda, esperti tal-IMF kienu bassru li t-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna se jkun 2.2% fl-2014 u l-istess fl-2015. Fir-rapport li ħareġ issa, dan it-tbassir ġie rivedut għal 3.1% kemm fl-2014 kif ukoll fl-2015.
STQARRIJA TAL-GVERN
Din ir-reviżjoni ‘l fuq ta’ kważi punt perċentwali tispikka aktar meta wieħed iqis li l-IMF, ftit ġimgħat ilu, għamel l-akbar reviżjoni ‘l isfel fl-aħħar tlett snin fit-tbassir tagħha tat-tkabbir ekonomiku dinji. Li jfisser li, filwaqt li l-esperti tal-IMF qed jaraw deterjorament qawwi għall-bqija tad-dinja, xorta jaħsbu li l-pass ekonomiku ta’ Malta se jaċċellera.
Filwaqt li l-kelliema tal-Oppożizzjoni jwissu li l-konsum lokali huwa kajman u l-ħwienet qed jiffaċjaw telf, l-esperti tal-IMF isostnu li t-tkabbir ekonomiku qawwi ta’ Malta huwa sostnut primarjament mid-domanda domestika. Din hija mgħejjuna wkoll, skont l-IMF, mill-investimenti kbar fis-settur tal-enerġija – proġetti li l-Oppożizzjoni hija kontra tagħhom.
Aspett ieħor li fih l-opinjoni tal-ekonomisti tal-IMF u dik tal-kelliema tal-Oppożizzjoni hija totalment opposta hija l-analiżi fuq id-dħul tal-familji Maltin. Filwaqt li skont l-Oppożizzjoni bħalissa hawn għafsa fil-pagi, skont l-IMF bħalissa f’Malta hawn “strong household income from rising wages and employment”.
Ir-rapport tal-IMF jirrimarka li, minkejja żieda qawwija fl-ammont ta’ nisa li jridu jaħdmu, l-qgħad naqas għal livelli rekord. L-esperti tal-IMF faħħru s-servizz taċ-childcare b’xejn, t-tapering ta’ benefiċċji soċjali u l-miżuri li ttieħdu fil-qasam tax-xogħol. Fl-istess ħin huma osservaw li l-inflazzjoni naqset ħafna frott it-tnaqqis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, u l-prezz tal-fuel.
It-tim ta’ ekonomisti internazzjonali li studjaw lil Malta din is-sena nnutaw ukoll li “Malta has made impressive strides in improving its external balances”. Dan meta l-iżbilanċ kummerċjali ta’ 2.5% fl-2009 inqaleb f’surplus ta’ 9% fl-2014. Għal darba oħra, din l-analiżi ma taqbel xejn mal-allarmiżmu tal-Oppożizzjoni fuq l-esportazzjoni minn pajjiżna.
Finalment, l-esperti tal-Fond Monetarju osservaw kif it-tkabbir ekonomiku wassal għal tnaqqis qawwi fid-defiċit tal-Gvern. Skont il-kelliema tal-Oppożizzjoni, l-Gvern Malti mhux ser jilħaq il-miri tiegħu u se jispiċċa jitlob bailout finanzjarju. Skont l-esperti tal-IMF, id-defiċit ser ikompli nieżel sa 1.7% s-sena d-dieħla filwaqt li d-dejn se jaqa’ taħt is-70% din is-sena u kważi 60% sal-2020.
Filwaqt li jilqa’ ir-rapport tal-IMF, il-Gvern Malti se jaħdem bis-sħiħ biex ikompli jsaħħaħ l-ekonomija ta’ pajjiżna u jwettaq ir-riformi bżonnjużi li tħallew jaqgħu lura taħt l-amministrazzjoni preċedenti, bħal dawk fis-settur tal-qrati, il-pensjonijiet u l-enerġija.
– Thursday, 26th February, 2015