F’konferenza tal-aħbarijiet konġunta bejn il-Ministru Helena Dalli u l-Ministru Edward Scicluna, il-Gvern nieda l-fond għall-leave tal-maternità kif imħabbar fl-aħħar baġit.
Dan il-fond fil-forma ta’ Trust qed jitwaqqaf permezz ta’ Avviż Legali taħt l-Att dwar it-Trusts u t-Trustees. L-amministrazzjoni ta’ dan it-Trust se tkun f’idejn Bord imwaqqaf taħt l-istess Avviż Legali u li se jkun magħmul minn membri mill-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali kif ukoll mill-unions.
Miżura soċjali li se tgħin biex issaħħaħ l-opportunitajiet indaqs fis-settur tal-impjiegi.
Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli fissret din il-miżura bħala pass ieħor biex tkun eliminata kemm jista’ jkun id-diskriminazzjoni kontra n-nisa. Qalet li l-ħolqien ta’ dan il-fond se jġib aktar ġustizzja soċjali filwaqt li se jgħin aktar nisa li jintagħżlu u jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
Il-Ministru tal-Finanzi, Edward Scicluna, semma kif l-employers fis-settur privat se jkunu obbligati li jgħaddu kontribuzzjonijiet li minnhom jitħallsu l-14-il ġimgħa leave tal-maternità ta’ impjegati fis-settur privat. Dan ifisser li min iħaddem mhux se jibqa’ jħallas is-salarju ta’ impjegata li tkun qiegħda b’dan il-leave, iżda s-salarju sħiħ tagħha se jkun qed joħroġ minn dan il-fond. Ir-rata ta’ kontribuzzjoni se tkun ta’ 0.3% tal-paga bażika għal kull impjegat.
Dr Dalli qalet ukoll li din il-miżura qed tidħol fis-seħħ wara konsultazzjoni wiesa’ li saret mal-istakeholders involuti inkluż unions, min iħaddem u membri tas-soċjetà ċivili.
Aqra l-mistoqsija u tweġiba dwar il-Fond tal-Leave tal-Maternità hawn.
– Tuesday, 21st July, 2015