Il-Gvern jiltaqa’ mal-Imsieħba Soċjali u l-Korpi Kostitwiti għat-tielet darba b’konsultazzjoni qabel il-Baġit 2015


Illum saret l-aħħar laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali l-MCESD dwar il-Baġit 2015.

 

Jintemm il-proċess ta’ konsultazzjoni wiesgħa dwar il-baġit mifrux fuq perjodu ta’ xahrejn li l-Gvern mexxa mas-soċjetà ċivili, għaqdiet u mal-pubbliku

Fil-ftuħ tal-laqgħa, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli fissret kif permezz ta’ din it-tielet laqgħa ta’ konsultazzjoni fi ħdan l-MCESD, qed jintemm il-proċess ta’ konsultazzjoni li l-Gvern mexxa dwar il-baġit kemm mas-soċjetà ċivili, korpi kostitwiti, għaqdiet u l-pubbliku inġenerali.

“Din hija l-aħħar opportunità għalikom biex tgħaddu r-reazzjonijiet u l-proposti tagħkom qabel ma nhar it-Tnejn ikun preżentat il-baġit għall-2015” qalet il-Ministru Dalli.

Fi preżentazzjoni tiegħu lill-imsieħba soċjali, il-Ministru għall-Finanzi l-Prof. Edward Scicluna spjega kif is-sena 2015 se tkun waħda ta’ sfida għall-Gvern hekk kif iridu jkunu indirizzati tliet prijoritajiet ewlenin: sistemi falluti tat-trasport pubbliku u tal-kumpanija Enemalta li dan il-Gvern wiret mill-amministrazzjoni preċedenti, u r-ristrutturar fl-Air Malta fejn ħabbar kif għas-sena d-dieħla l-Gvern se jkun qed jgħaddi l-aħħar injezzjoni kapitali ta’ €40 miljun oħra kif maqbul mal-Kummissjoni Ewropea.

pr142641a

Il-Prof. Scicluna saħaq li l-mira tal-Gvern tibqa’ dik li jnaqqas id-defiċit hekk kif dan huwa l-kaġun prinċipali li bih jiżdied id-dejn.

Dwar it-tnaqqis tat-taxxa diretta, il-Prof. Scicluna qal li l-Gvern se jkun qed iżomm mal-wegħda li għamel li jkompli jnaqqas it-taxxa biex f’din it-tielet fażi, it-taxxa fuq il-qligħ issa se tkun qed tkompli titniżżel għal 25%, tnaqqis ta’ erba’ punti perċentwali għas-sena 2015.

 

 

Il-Ministru għall-Finanzi tkellem ukoll dwar l-aġġustament fiż-żieda tal-għoli tal-ħajja, magħruf bħala l-COLA, fejn spjega kif dan il-mekkaniżmu maqbul bejn l-imsieħba soċjali kollha ilu jintuża għal 24 sena.

Huwa qal li filwaqt li din id-darba, il-COLA hija waħda baxxa minħabba li matul din is-sena kellna inflazzjoni baxxa, saħaq li l-Gvern se jkun qed iżomm mal-wegħda li jwieżen lil dawk li jifilħu lanqas.
F’rendikont qasir li ta dwar is-sitwazzjoni finanzjarja għall-ewwel disa’ xhur tas-sena, il-Ministru Scicluna semma’ wkoll kif l-indikaturi tad-dħul u tal-ħruġ għandhom iwasslu sabiex tintlaħaq il-mira tad-defiċit ta’ 2.1%.

Iċ-Chairman tal-MCESD is-Sur John Benċini semma’ kif il-Kunsill Malti għal-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali diġà kellu l-opportunità li jiddiskuti diversi proposti dwar il-baġit mal-Ministru tal-Finanzi f’żewġ laqgħat preċedenti, u din kienet l-aħħar laqgħa qabel il-preżentazzjoni tal-Baġit.

 

timesofmalta_logo  maltaindependent_logo  tvmnews_logo

– Monday, 10th November, 2014

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *