Il-Ministru Scicluna waqt laqgħa virtwali tal-ECOFIN


Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna, flimkien mal-Ministri tal-Finanzi tal-Unjoni Ewropea, ipparteċipa f’vidjokonferenza tal-ECOFIN li saret fid-9 ta’ Ġunju 2020.
Fl-intervent tiegħu dwar il-Pjan ta’ Rkupru tal-Unjoni Ewropea, il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna qal, “Nixtiequ nirringrazzjaw lill-Presidenza Kroata għall-mod eċċellenti kif mexxiet il-presidenza f’mument daqstant diffiċli. Aħna diġà lqajna l-idea tal-Pakkett ta’ Rkupru bħala strument meħtieġ sabiex jerġa’ jqajjem l-ekonomija tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u jassisti lil dawk l-Istati Membri li l-aktar li ntlaqtu minn din il-pandemija. Issa li għandna d-dettalji tal-proposti, nistgħu nagħtu l-ewwel reazzjonijiet tagħna.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U S-SERVIZZI FINANZJARI


Fejn jidħol il-kriterju ta’ kif jiġu allokati l-fondi, aħna qed nipproponu li dawn il-fondi għandhom jiġu allokati fuq kriterji li jirriflettu l-impatt ekonomiku li ħalliet il-COVID-19 milli fuq kriterji li jirriflettu s-sitwazzjoni ekonomika taż-żmien ta’ qabel il-pandemija, sitwazzjoni li ġustament xi Stati Membri ddeskrivew dan l-approċċ bħala pass lura. Barra minn hekk, wieħed m’għandux jiddependi fuq ir-rati tal-qgħad bħala l-uniku indikatur. Indikatur bħal dan m’huwiex sofistikat biżżejjed biex jirrifletti is-sitwazzjoni ekonomika ta’ dawk il-pajjiżi fejn għandhom setturi ekonomiċi li salvaw l-effett tal-pandemija filwaqt li kellhom settur ekonomiku importanti li ġie milqut b’mod devastanti – kif inhu l-każ tat-turiżmu. Aħna qed nistennew lill-Kummissjoni biex toħroġ b’indikaturi aktar addattati. 

 
Fi spirtu ta’ solidarjetà l-grants mogħtija f’ammonti raġonevoli huma aċċettabbli għalina iżda l-pakkett ippreżentat juri li ċerti pajjiżi ser jiġu allokati ammont qawwi ta’ grants milli self u dan ser iwassal biex numru ta’ Stati Membri, inkluż Malta, minn benefiċjarji netti ser jispiċċaw kontributuri netti.

Dan iwassal għal effetti aktar negattivi fuq dawn l-Istati Membri li tkun diffiċli biex tiġġustifika deċiżjoni bħal din.  
Fejn jidħol il-finanzjament tal-baġit Ewropew, dak magħruf bħala “Own Rescources”, il-proposta tagħna hija li mmorru għal taxxi, bħal taxxi fuq plastik mhux riċiklabbli u prodotti simili, u mhux li nintroduċu taxxi kontroversjali li jistgħu jtellfu milli jsir qbil fuq dan il-ftehim, u dan fiż-żmien meta aħna rridu li d-deċiżjonijiet jittieħdu malajr.

B’mod partikolari, aħna nemmnu li l-proposta li nestendu l-Emission Trading System f’taxxi fuq vjaġġar bl-ajru u bil-baħar, se jaffettwaw negattivament dawk l-Istati Membri li jiddependu fuq it-turiżmu, u għalhekk taxxi bħal dawn, speċjalment fis-sitwazzjoni li ninsabu fiha, m’għandhomx jiġu kkunsidrati.”

Wednesday 10th June 2020

,