Il-PE u l-Kungress Amerikan


X’aktarx li ħafna huma dawk li jaħsbu li l-mod kif jaħdem il-Parlament Ewropew hu l-istess mod li bih jaħdem il-Parlament lokali, il-Kamra tad-Deputati tagħna. Fil-verità mhux hekk. Fil-verità x-xebħ bejniethom huwa minimu.

Tant li ħafna minn dawk li għandhom għarfien u huma familjari mal-mod kif jaħdem il-Parlament lokali jissorprendu ruħhom proprju għax il-punt tat-tluq tagħhom ikun il-mod li bih jaħdem il-Parlament lokali.

Xtaqt nieħu din l-opportunità biex eżattament ftit jiem bogħod milli nerġgħu nibdew niltaqgħu fi Brussels u Strasbourg nispjega x-xebħ jew in-nuqqas tiegħu fil-konfront tal-Parlament Malti u dak f’pajjiż ieħor bħalma hi l-Amerika.

Il-punt tat-tluq: il-Parlament Ewropew mhux bħall-parlament nazzjonali. Id-delegazzjoni Laburista, s’issa ffurmata minn tliet MEPs, tifforma parti minn grupp politiku, fil-każ tagħna l-Alleanza tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi (S&D). Din l-Alleanza m’għandhiex il-maġġoranza fil-Parlament Ewropew. Iż-żewġ MEPs tal-Partit Nazzjonalista jiffurmaw parti mill-Grupp tal-EPP, li wkoll m’għandhomx il-maġġoranza. Fil-fatt ebda grupp politiku m’għandu l-maġġoranza assoluta.

F’kull livell tal-istituzzjoni, kumitat, grupp politiku jew fil-plenarja, il-grupp tagħna ħafna drabi jkollu jasal għal kompromess mal-Liberali u mal-Ħodor biex jikseb maġġoranza. Bħala Maltin m’aħniex imdorrijin għal sistema bħal din. F’pajjiżna dejjem ikollna partit li jkollu maġġoranza u allura jkun jista’ jmexxi u jilleġiżla bħala Gvern. M’aħniex imdorrijin għal kumitati li litteralment jibdlu mill-qiegħ abbozz ta’ direttiva, tant li ma jkunx jingħaraf minn dak li oriġinarjament ikun intbagħat qud diemhom mill-Kummissjoni.

X’aktarx li wara li tkun qrajt s’hawn diġà jkollok il-mistoqsija lesta: allura liema hu l-mudell li l-aktar tqarreb lejh l-Unjoni Ewropea? Għalija huwa ċar, minkejja li wkoll hemm ftit differenza bejniethom, li l-eqreb mudell politiku għall-Unjoni Ewropea huma l-Istati Uniti tal-Amerika. Bħall-Istati Uniti, l-Unjoni Ewropea għandha fergħa eżekuttiva (il-Kummissjoni) u żewġ Kmamar Legiżlattivi – il-Kunsill, iffurmat mill-Ministri tal-Gvernijiet rispettivi u l-Parlament iffurmat mill-MEPs. Bħas-Senat Amerikan, il-Ministri jirrappreżentaw l-interessi tal-Istati Membri fil-Kunsill, u l-MEPs jirrappreżentaw l-interessi taċ-ċittadini Ewropej fil-Parlament.

Is-sistema mhux dejjem taħdem b’mod simplistiku daqshekk. Fuq materji ta’ interess nazzjonali, bħalma kien il-każ dwar il-futur tal-industrija tat-tonn u l-każ tal-Frontex, il-ħames MEPs Maltin dejjem ivvutaw l-istess. Imma mbagħad fuq affarijiet oħrajn, nimxu skont il-linji ideoloġiċi.

L-S&D, bħala grupp ċentru-xellugi, jappoġġja b’mod aktar qawwi mill-EPP direttivi li jipproteġu lill-konsumatur, l-ambjent u d-drittijiet tal-ħaddiem fuq il-post tax-xogħol. Fuq ħafna kwistjonijiet politiċi, it-tendenzi tiegħi huma simili għal dawk tal-kollegi tiegħi fl-S&D. Ħafna mid-deċiżjonijiet meħuda f’livell ta’ Unjoni Ewropea, għalkemm ikun hemm eċċezzjonijiet, ma jirrigwardawx pajjiż jikkompeti ma’ pajjiż ieħor, imma jirrigwardaw għażliet politiċi.

L-għeruq tal-Parlament Ewro pew imorru lura għall-Ħamsinijiet u għat-trattati li saru meta twaqqfet l-Unjoni Ewropea. Il-Membri Parlamentari Ewropej ilhom ikunu eletti b’mod dirett miċ-ċittadini li jirrappreżentaw mis-sena 1979. Sas-sena 1993 il-Parlament Ewropew ma kellu ebda poter leġislattiv reali. Dakinhar ġie ratifikat it-Trattat ta’ Maastricht u bdiet il-ħidma għalenija għal suq Ewropew wieħed b’munita Ewropea. Sussegwentement it-Trattati ta’ Amsterdam, Nizza u Lisbona estendew il-poteri tal-Parlament Ewropew biex illum għandu l-istess saħħa daqs il-Kunsill tal-Ministri fuq kważi l-leġiżlazzjoni Ewropea kollha.

Esperjenzajt, u qed nesperjenza, x’saħħa leġiżlattiva għandhom il-kumitati peress li nokkupa l-kariga ta’ Viċi-Ċermen tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (ECON). Il-qafas regolatorju finanzjarju li dwaru mistennijin nilħqu kompromess sa Settembru li ġej huwa radikalment differenti minn dak li oriġinarjament kienet qed tipproponi l-Kummissjoni.

L-istess jista’ jingħad fir-rigward tal-leġiżlazzjoni dwar fondi li jintużaw bħala forma ta’ protezzjoni ta’ taqlib fi prezzijiet; ekwità privata u remunerazzjoni għal bankiera u diretturi ta’ kumpaniji ta’ investiment.

Bħal fil-każ tal-kumitati tal-Kungress Amerikan, la darba l-leġiżlazzjoni tkun marret quddiem il-kumitat, is-sehem tal-eżekuttiv huwa minimu. Eżempju klassiku huwa dak tal-pakkett finanzjarju Amerikan riċentement iffirmat mill-President Obama. Dak li ffirma għalih il-President Obama u allura sar liġi, ftit li xejn jirrifletti dak li oriġinarjament ipproponew l-istess Obama u s-Segretarju tat-Teżor Tim Geithner.

Differenza ewlenija bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea qiegħda fil-fatt li l-kumitati leġiżlattivi Amerikani għandhom is-setgħa tal-inizjattiva. Jistgħu jitilqu l-ballun huma. Dan kuntrarjament għall-Parlament Ewropew, li ħafna drabi jidħol fix-xena ħafna xhur wara l-Kunsill tal-Ministri u dejjem fuq il-bażi ta’ abbozz imħej ji mill-Kummissjoni.

Fil-każ tal-Istati Uniti kemm is-Senat kif ukoll il-Kamra tar-Rappreżentanti jħejju abbozzi kontrastanti fuq l-istess suġġett. Għalkemm, l-istess bħall-Parlament Ewropew u l-Kunsill, iż-żewg abbozzi jridu mbagħad ikunu rikonċiljati, id-dritt ta’ inizjattiva jagħti lill-Kungress Amerikan vantaġġ li l-Parlament Ewropew m’għandux.

Min jaf, forsi tali dritt ta’ inizjattiva jkun fost it-talbiet li jagħmel il-Parlament Ewropew meta għad-diskussjoni jkun hemm riforma għal xi trattat.

Ħafna drabi l-Kungress Amerikan jitqies bħala l-aktar leġiżlatur b’saħħtu fid-dinja. Fil-verità, waqt li tul l-aħħar ġenerazzjoni kien hemm it-tendenza li ħafna demokraziji raw tkattir tal-poter eżekuttiv b’detriment għall-poteri parlamentari, il-Kungress Amerikan żamm il-poteri ta’ skrutinju tal-President.

Il-Parlament Ewropew inbidel u qed ikompli jinbidel hekk kif qed jaddatta ruħu għall-poteri ġodda li ngħata bit-Trattat ta’ Lisbona. Għalkemm irid jgħaddi ż-żmien sakemm il-Parlament Ewropew jittrasforma ruħu fuq il-linji tal-Kungress Amerikan, jekk trid tifhem kif taħdem l-Unjoni Ewropea, allura tħarisx lejn il-politika domestika Ewropea. Ħares lejn l-Istati Uniti.

www.l-orizzont.com – It-Tnejn, 23 ta’ Awissu, 2010


Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *