Il-President jirċievi għotja mingħand il-Ministru Scicluna b’risq il-Malta Community Chest Fund Foundation


Il-President George Vella ltaqa’ mal-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjari Edward Scicluna fil-Palazz ta’ Sant’Anton, fejn ġie ppreżentat b’donazzjoni ta’ €40,000 mill-Fond tal-Kawżi Ġusti b’risq il-Malta Community Chest Fund Foundation (MCCFF).

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT U MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U S-SERVIZZI FINANZJARJI

Dan hekk kif bħalissa qed isiru sensiela ta’ erba’ kunċerti fuq l-istazzjonijiet lokali TVM, ONE, NET u 103 bl-isem ta’ ‘Għajta Waħda’, bl-iskop li jippromwovu l-għaqda nazzjonali u fl-istess ħin jinġabru għotjiet għall-MCCFF.

Il-President George Vella qal, “Hemm dejjem bżonn li wieħed jikkontribwixxi għall-MCCFF għax huwa fond li kontinwament jagħti flus lill-persuni li jeħtieġu għajnuna, b’mod speċjali f’każi ta’ mard.  F’dawn iż-żminijiet diffiċli, it-talbiet baqgħu jaslu għand din il-Fondazzjoni, u għalhekk din id-donazzjoni mill-Fond tal-Kawżi Ġusti tfisser id-doppju meta jitqiesu l-isfidi li għaddejjin minnhom minħabba l-pandemija tal-Covid-19.”

Il-Ministru Scicluna qal, “Infaħħar ħafna din l-inizjattiva mtella’ minn diversi artisti lokali bl-isem ta’ ‘Għajta Waħda’. Fondazzjonijiet bħal MCCFF qed jaffaċjaw sfidi ġodda kawża tar-restrizzjonijiet li ġew imposti, għaliex ħafna mill-introjtu finanzjarju tagħhom jiġi minn diversi attivitajiet organizzati matul is-sena. Inħeġġeġ lill-poplu Malti sabiex jagħmel il-parti tiegħu u jkun ġeneruż, għaliex nies bi problemi soċjali u ta’ saħħa jeħtieġ li jibqa’ jkollhom is-sostenn kollu tagħna.”​​

Thursday 21st May 2020

,