F’laqgħa konġunta tal-Core Group tal-MEUSAC u tal-MCESD, kien ippreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili.
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAD-DJALOGU SOĊJALI, AFFARIJIET TAL-KONSUMATUR U LIBERTAJIET ĊIVILI
U
MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI
Fil-ftuħ tal-laqgħa, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli, tkellmet dwar l-importanza li r-rappreżentanti ta’ diversi setturi tas-soċjetà, membri fil-Core Group tal-MEUSAC u l-MCESD bħala entitajiet konsultattivi nazzjonali, jiltaqgħu f’din il-laqgħa konġunta speċjali bħal ma jsir kull sena biex jiddiskutu mal-Ministru għall-Finanzi l-abbozz tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma għal din is-sena qabel ma jiġi sottomess lill-Kummissjoni Ewropea. Dr Dalli qalet li b’dan il-mod, inkomplu niżguraw li t-triq ’il quddiem tinbena fuq soluzzjonijiet komuni li jkomplu jibnu fuq miżuri li rnexxew u li jindirizzaw l-isfidi tal-preżent u tal-ġejjieni.
Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna spjega li l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma qed jiġi ppreżentat lill-imsieħba soċjali fl-isfond tal-aħbar li l-Gvern kiseb surplus fil-budget tiegħu għall-ewwel darba wara 35 sena konsekuttivi ta’ defiċit. Huwa ddiskriva l-politika tal-Gvern li wasslet għal dawn ir-riżultati, fosthom it-tnaqqis ta’ taxxa għal kull taxpayer f’Malta, kif ukoll miżuri li jħajru aktar nies biex imorru jaħdmu.
Il-Ministru Scicluna ddeskriva l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma bħala l-pjan tal-Gvern biex jindirizza r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi tal-Pajjiż hekk kif maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea, bil-għan li jintlaħqu l-miri Europe 2020.
Nota Informattiva
F’April ta’ kull sena, l-Istati Membri huma obbligati jissottomettu lill-Kummissjoni Ewropea l-pjanijiet tagħhom għal finanzi pubbliċi sodi (programmi ta’ stabbiltà u konverġenza) u r-riformi u l-miżuri biex jagħmlu progress lejn tkabbir għaqli, sostenibbli u inklussiv, f’oqsma bħall-impjiegi u l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-enerġija u l-ambjent, u l-inklużjoni soċjali (programmi nazzjonali ta’ riforma). Iktar tard fir-rebbiegħa mbagħad il-Kummissjoni toħroġ ir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi sabiex ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati mill-Istati Membri meta jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-budget li jmiss.
Saturday 1st April 2017