F’laqgħa konġunta bejn il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali l-MCESD u l-membri tal-MEUSAC, il-Grupp għall-Istrateġija tal-pensjonijiet nieda l-Istrateġija għal Sistema ta’ Pensjoni Adegwata u Sostenibbli.
Fost il-proposti elenkati hemm dawk li ma jogħlewx la r-rata tal-irtirar u lanqas ir-rata tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali
Fil-ftuħ tal-laqgħa l-Ministru għad-Djalogu Socjali Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Dr Helena Dalli tkellmet fuq l-importanza li min iħaddem, il-unions u s-soċjetà ċivili jkunu involuti f’dan l-eżerċizzju flimkien mal-gvern. Għalhekk l-importanza ta’ din il-laqgħa tal-MCESD u l-MEUSAC flimkien mal-esperti fil-qasam tas-sigurtà soċjali.
Dr Dalli tkellmet fuq id-dependency ratio; popolazzjoni dejjem tixjieħ; ir-rata tal-fertilità; il-miżura tac-childcare mingħajr ħlas li permezz tagħha aktar nisa qed jidħlu fid-dinja tax-xogħol u l-migrazzjoni; fatturi li kollha għandhom effett fuq il-pensjonijiet.
[nggallery id=262]
Il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Dr Michael Farrugia qal illi meta nħarsu lejn bidla m’għandux ikun hemm distinzjoni, jiġifieri nagħżlu biss x’inhu tajjeb għalina. Qal illi huwa tajjeb li jsir review tas-sistemi tal-pensjonijiet kull ħames snin. Semma wkoll illi milli jidher hemm qbil illi l-età tal-irtirar m’għandiex taqbeż il-ħamsa u sittin sena. Żied jgħid illi mhux aċċettabli illi jkun hemm ħaddiema li ħallsu l-bolol kollha matul ħajjithom biex xorta jkunu f’riskju ta’ faqar meta jaslu għall-pensjoni.
Il-Ministru Farrugia kkonkluda billi faħħar ix-xoghol li għamel il-grupp f’dawn l-aħħar xhur filwaqt li qal li din hija riforma li biha se jkunu mgħejjuna ammont kbir ta’ nies, imma fl-istess ħin iridu jsiru l-bidliet neċessarji sabiex pajjiżna jkun ekonomikament b’saħħtu u jikkompeti ma’ pajjiżi oħra.
Il-Ministru tal-Finanzi l-Prof. Edward Scicluna qal lil l-prospettiva dwar is-sostenibbiltà futura tal-pensjonijiet f’Malta hija ferm aħjar milli kien maħsub snin ilu. Il-Gvern issa jrid jisma’ u jiddeċiedi biex jiżgura li l-pensjonanti ta’ għada ma jaqgħux fil-faqar filwaqt li l-finanzi tal-pajjiż ma jmorrux lura biex dan ikun jista’ jsir. Huwa qal ukoll li, minbarra fuq l-isfida tal-pensjonijiet, il-lenti għandha tintefa’ wkoll fuq kif se jiġu indirizzati aħjar il-ħtiġijiet futuri ta’ djar għall-anzjani u ta’ servizzi tas-saħħa mmirati lejn l-anzjani.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Familja Mark Musù, li mexxa l-Grupp ta’ Strateġija, qal li filwaqt li l-Grupp iħoss li f’dan l-istadju għadu mhuwiex il-waqt li l-età tal-irtirar statutorja togħla għal aktar minn 65 sena jew li togħla r-rata tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, xorta hemm bżonn tibdil li jħares fit-tul.
Qal ukoll li l-Grupp iħoss li filwaqt li nħarsu lejn l-isfidi fit-tul tibqa’ prijorità, hemm bżonn li nħarsu wkoll lejn l-isfidi preżenti tas-sistema tagħna, speċjalment l-adegwatezza fi sfond fejn numru sinifikanti ta’ pensjonanti qed jgħixu f’riskju ta’ faqar. Is-Sur Musù saħaq fuq il-fatt li sabiex dawn ir-riformi jirnexxu u sabiex nindirizzaw l-isfidi fit-tul tas-sostenibbiltà u l-adegwatezza tas-sistema, hemm bżonn ta’ bidla fil-kultura, fil-mentalità, u l-imġiba tal-istakeholders kollha.
Intant, fost il-proposti ġenerali mressqa mill-Grupp ta’ Strateġija tal-Pensjonijiet hemm li dan li ġej:
- · L-età statutorja tal-irtirar u r-rata tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali ma jogħlewx.
- · Min ikollu dritt li japplika għall-pensjoni iżda jagħżel li jkompli jaħdem u ma jirċevix il-pensjoni bejn l-età ta’ 61 u 65 sena se jkun jista’ jtejjeb il-livell ta’ pensjoni sa massimu ta’ 12% żieda fir-rata. Fl-istess waqt, jekk persuna tibqa’ ma tirċevix il-pensjoni wara l-età ta’ 65 sena u tibqa’ taħdem, iż-żieda fil-livell tal-pensjoni tkun aċċellerata.
- · Il-pensjoni tal-età se tibda tiġi stabbilita fi proporzjon tal-Paga Minima Nazzjonali u b’hekk se tiżdied filwaqt li min għadu ma jirċevix din il-pensjoni, l-età li tkun eleġibbli għaliha se tinbidel b’mod gwadwali u tiġi bħall-età tal-irtirar.
Il-Grupp qed jipproponi proposti speċifiċi għal min twieled qabel l-1962 kif ukoll għal dawk li twieldu fl-1962 jew wara.
Il-Grupp għall-Istrateġija tal-Pensjonijiet qed iressaq 27 rakkomandazzjoni maqsuma fuq erba’ oqsma li jinkludu fost l-oħrajn tibdil li jindirizza bżonnijiet u kwistjonijiet soċjali marbuta mas-soċjetà jew ix-xogħol, tibdil li jindirizza s-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjoni u li jkun hemm bilanċ ġust bejn il-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji.
Il-Grupp jenfasizza l-ħtieġa li jibqa’ jsir studju strateġiku tas-sistema tal-pensjoni kull ħames snin biex jittieħdu l-miżuri li jkun hemm bżonn minn żmien għal ieħor, fl-istess ħin li jelenka sensiela sħiħa ta’ miżuri li jħoss li għandhom jittieħdu minn issa.
Kopja sħiħa tar-rapport tista’ titniżżel mis-sit www.mfss.gov.mt
Wieħed jista’ jibgħat is-suġġerimenti tiegħu fuq l-indirizz elettroniku pensions.strategy@gov.mt
Wednesday 17th June 2015