Imniedi Abbozz tal-Istrategija Nazzjonali għad-Dħul fl-irtirar u l-Għarfien Finanzjarju


Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali flimkien mal-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna, nieda Abbozz tal-Istrateġija Nazzjonali għad-Dħul fl-Irtirar u l-Għarfien Finanzjarju.

Il-Ministru Farrugia qal illi l-ġimgħa li għaddiet Malta kellha rispons tajjeb ħafna dwar ix-xogħol li għaddej fuq ir-riforma fil-pensjonijiet. Dan qalitu l-International Monetary Fund fir-rapport tagħha għal Jannar 2016. Filfatt ir-rapport ikkonkluda li l-awtoritajiet Maltin imxew b’mod eżemplari sabiex jimbuttaw ’il quddiem ir-riforma fil-pensjonijiet.

 

STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-MINISTERU GĦALL-FAMILJA U SOLIDARJETÀ SOĊJALI U L-MINISTERU GĦALL-FINANZI

 

Il-Ministru Farrugia qal illi aħbar bħal din ma jeħodhiex b’sorpriza, għaliex l-impenn ta’ dan il-Gvern u tal-Ministeru li jmexxi, huwa fuq nett tal-aġenda.

 

DSC_3375 featured

 

 

“Riċerka f’Malta u barra mill-pajjiż turi li n-nies għandhom differenzi sinifikanti u mhux ċari fit-tagħrif dwar l-irtirar. Parti minn dan huwa għaliex, aħna bħala bnedmin, għandna t-tendenza li niffukaw fuq termini qosra – ma naħsbux fit-tul”, qal il-Ministru Farrugia.

Huwa żied jgħid li l-importanza tal-ippjanar għall-irtirar biss, mhux biżżejjed. Hemm bżonn li kulħadd ikun finanzjarjament mgħarraf sabiex it-tfaddil jew l-investiment li wieħed jagħmel, jagħti l-frott mixtieq.

“Waħda mill-affarijiet illi nixtieq nisħaq fuqhom hija li nemmen bis-sħiħ illi l-edukazzjoni tgħin fil-ġlieda kontra l-faqar u fl-istess ħin l-edukazzjoni finanzjarja tgħin lil persuni jitbegħdu mir-riskju ta’ faqar” qal il-Ministru Farrugia.

 

[nggallery id=295]

 

Il-Ministru Michael Farrugia saħaq illi l-viżjoni ppreżentata għad-diskussjoni nazzjonali u konsultazzjoni, fl-abbozz tal-istrateġija nazzjonali dwar id-dħul tal-irtirar u l-għarfien finanzjarju, hija li “ittejjeb il-benesseri finanzjarji personali taċ-ċittadini Maltin matul avvenimenti tal-ħajja u l-irtirar billi tippermettilhom li jagħmlu deċiżjonijiet finanzjarji infurmati b’mod aħjar li jaqblu għaċ-ċirkostanzi tagħhom’’.

Il-viżjoni proposta tirrikonoxxi l-ippjanar fl-irtirar u t-tmexxija, u l-ħiliet tal-għarfien finanzjarju bħala ħiliet essenzjali tal-ħajja llum.

L-abbozz tal-Istrateġija Nazzjonali jenfasizza l-messaġġi ewlenin li huma:

Għarfien: Biex wieħed jieħu deċiżjonijiet jeħtieg li jkun infurmat aħjar. Dan ifisser li jkollok bżonn aċċess għat-tagħrif u t-tagħlim tal-għodda kif ukoll networks ta’ appoġġ li jistgħu jagħtu gwida u assistenza.

Ippjanar: Ladarba wieħed ikun infurmat ikun f’pożizzjoni aħjar biex jippjana għall-preżent u l-futur.

Azzjoni: Meta tkun infurmat u ppjanajt allura jfisser li taġixxi b’mod infurmat biex ittejjeb il-benesseri finanzjarji tiegħek u tal-familja tiegħek.

 

 

“Dan kollu huwa xogħol li għandu jkun ikkoordinat b’reqqa u għalhekk bi pjaċir ngħid illi kemm il-Ministeru għall-Finanzi kif ukoll dak għall-Edukazzjoni u x-Xogħol qablu magħna li għandu jkun hemm working group/kummissjoni sabiex jaħdem fuq livell nazzjonali ma’ dawk kollha li huma interessati filwaqt li jżomm sinerġija bejn kulħadd” qal il-Ministru Farrugia.

“M’għandi l-ebda dubju li għal darb’oħra dan il-Gvern qed jagħmel pass ieħor fit-triq it-tajba dwar ir-riforma fil-pensjonijiet. Meta wieħed ikun infurmat ikun f’pożizzjoni aħjar li jippjana u b’hekk jieħu azzjoni tajba. B’hekk inkunu nistgħu nassiguraw futur finazjarju aħjar għall-familji tagħna” temm jgħid il-Ministru Michael Farrugia.

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna feraħ lill-partijiet fi ħdan il-Ministeru għall-Finanzi u l-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali involuti f’din l-istrateġija. Huwa semma kif il-Fakultà tal-Ekonomija, Management u Accountancy, kif ukoll l-istituzzjonijiet finanzjarji ta’ pajjiżna fosthom l-Awtorità Maltija tas-Servizzi Finanzjarji, il-Borża ta’ Malta u Finance Malta dejjem kabbru l-għarfien fil-qasam finanzjarju. Huwa awgura li din l- inizjattiva jkollha riżultati mixtieqa billi jsir studju sabiex jiġi identifikat dejjem aktar minn fejn ġej dan in-nuqqas.

Dan l-abbozz ta’ strategija huwa ppreżentat għall-konsultazzjoni pubblika u għad-diskussjoni. Il-konsultazzjoni pubblika u d-diskussjoni se jsiru bejn is-27 ta’ Jannar 2016 u t-23 ta’ Marzu 2016.

Il-Grupp ta’ ħidma lest li jiltaqa’ ma’ kull tip ta’ organizzazzjoni jew individwi li jixtiequ jiddiskutu l-abbozz dwar l-Istrateġija u r-rakkomandazzjonijiet ippreżentati.

Feedback formali u kuntatt ghandu jsir permezz tal-indirizz elettroniku financialeducation.mfss@gov.mt

govmt_logo   iNews_Logo    maltaindependent_logo   tvmnews_logo   newsbook_logo

– 26th January, 2016

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *