L-imxija tal-Covid-19 f’pajjiżna ħolqot sitwazzjonijiet diffiċli ħafna għall-għaqdiet volontarji sabiex ikomplu joperaw. Għal dan l-għan tnieda fond ta’ emerġenza għall-għaqdiet volontarji li jammonta għal €125,000.
Dan il-fond, li hu amministrat mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, b’kollaborazzjoni mas-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat, se jgħin lill-għaqdiet volontarji finanzjarjament f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali.
Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna, bħala l-ministru li jamministra l-Fond għall-Kawżi Ġusti, ta s-somma ta’ €50,000 għal dan il-fond ta’ emerġenza lill-għaqdiet volontarji. Il-Ministru Scicluna qal li bħala ministeru, jagħtu eżenzjonijiet minn ħlas ta’ taxxa kemm fuq xi profitti li NGOs jistgħu jagħmlu kif ukoll tax credits lil dawk il-kumpaniji li jagħtu sponsorships u donazzjonijiet lill-NGOs taħt ċerti kundizzjonijet. Jagħtu wkoll eżenzjonijiet lil dawk l-għaqdiet volontarji żgħar li l-introjtu tagħhom matul is-sena ma jaqbiżx l-€10,000.
Il-Prof. Scicluna qal, “Infaħħar ħafna din l-inizjattiva tat-twaqqif ta’ fond ta’ emerġenza għall-għaqdiet volontarji biex nassiguraw li jkun hemm fondi sostanzjali sabiex firxa kbira ta’ organizzazzjonijiet jibbenefikaw minnhom. Qed nagħtu din l-għotja b’rikonoxximent tax-xogħol li dawn l-għaqdiet jagħmlu fil-komunitajiet tagħna. Dan minbarra l-vot li hemm fil-baġit għal din is-sena, għall-Kunsill Malti tas-Settur tal-Volonarjat, li bħala gvern nallokaw somma kull sena.”
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima rringrazzja lill-voluntiera u tenna li xogħolhom hu indispensabbli. Qal li permezz ta’ dan il-fond, il-gvern qed juri kemm għandu għal qalbu l-volontarjat, b’din l-għajnuna li qed tingħata anke f’mumenti li dan il-pajjiż għaddej minn numru ta’ sfidi.
“Minn qalbi, u f’isem il-Maltin u l-Għawdxin kollha, nirringrazzjahom ta’ dan il-ġest sabiħ. Hu f’mumenti bħal dawn li jispikkaw ferm l-għaqda nazzjonali u l-ġenerożità li magħrufin għalihom dan il-poplu. Aktar minn qatt qabel, għandna bżonn lil xulxin biex negħlbu din l-isfida,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari.
Iċ-Chairperson tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat Dr Noel Camilleri spjega li l-objettivi prinċipali ta’ dan il-fond hu li jappoġġa għaqdiet li l-operat tagħhom hu relatat u essenzjali għall-pandemija COVID-19, jappoġġa għaqdiet li jistgħu jsofru ħsara irreparabbli għall-għaqda tagħhom li tista’ tirriżulta fl-għeluq tal-istess għaqda u li jappoġġa għaqdiet li jistgħu jiffaċċjaw diffikultajiet biex iżommu u jerġgħu jibdew l-operazzjoni fl-istadju ta’ wara l-pandemija.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat Mauro Pace Parascandalo qal li l-Kunsill nieda diversi inizjattivi sabiex, fiċ-ċirkostanzi preżenti minħabba l-imxija tal-COVID 19, ikun f’pożizzjoni li jassisti kemm lis-settur tal-volontarjat kif ukoll lill-pubbliku. Hekk kif bdiet din is-sitwazzjoni, il-Kunsill kien f’pożizzjoni li jibqa’ jagħti s-servizzi tiegħu b’mod remot. Bħala servizz miżjud, tnieda n-numru dirett 79481120, li jista’ jintuża 24/7 biex jassisti lill-għaqdiet volontarji. Tnieda wkoll help desk online, li wieħed jista’ jaċċessa fuq is-sit uffiċjali tal-Kunsill. Il-Kunsill, permezz ta’ VOLUNTIERA Malta, qed jikkordina wkoll individwi u gruppi biex jagħtu appoġġ lill-għaqdiet volontarji jew lill-komunità.
L-applikazzjonijiet se jkunu jistgħu jimtlew online fuq is-sit elettroniku www.vofunding.org.mt. Iktar informazzjoni tinstab fil-paġna uffiċjali ta’ Facebook: https://www.facebook.com/MaltaCouncilVoluntarySector/ u fuq is-sit uffiċjali www.maltacvs.org
Friday 8th May 2020