Introdotta l-ewwel skema tal-pensjoni tat-tielet pilastru


Wara snin twal ta’ kliem favur li jkollna f’Malta leġiżlazzjoni xierqa li tintroduċi l-pensjoni tat-tielet pilastru, dan il-Gvern iddikjara l-impenn tiegħu li dawn il-prodotti ta’ pensjoni privata volontarja jiġu introdotti matul din il-leġiżlatura u dan l-impenn wettqu billi aktar kmieni din is-sena daħħal il-leġiżlazzjoni meħtieġa. Dan għamilha possibbli biex illum tiġi varata l-ewwel skema skont din il-leġiżlazzjoni.

 

pr152533b

Dan qalu l-Ministru għall-Finanzi, il-Prof. Edward Scicluna, il-Ġimgħa 13 ta’ Novembru fil-lukanda Corinthia San Ġorġ, San Ġiljan, waqt l-introduzzjoni tal-ewwel prodott ta’ pensjonijiet tat-tielet pilastru f’pajjiżna. Il-prodott, bl-isem ta’ MSV Personal Pension Plans, qed toffrih l-MSV Life, l-akbar kumpanija tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja f’Malta.

 

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI

Il-Ministru Scicluna qal li dan huwa biss il-bidu, u li l-Gvern se jkun qed jagħti l-appoġġ sħiħ u jintroduċi inċentivi skont il-ħtiġijiet tas-suq biex jiżgura li din l-inizjattiva tirnexxi. Huwa ħabbar li fil-jiem li ġejjin se titwaqqaf task force biex tara kif jistgħu jittieħdu inizjattivi simili bi skemi fakultattivi fil-postijiet tax-xogħol, iżda għamilha ċara li għadu ma wasalx iż-żmien għal skemi obbligatorji.

 

[nggallery id=286]

 
“Waqt li min iħaddem u l-impjegati li jkunu jixtiequ jidħlu għal skemi bħal dawn se jiġu inkoraġġiti u megħjuna, skema mandatarja fil-livell nazzjonali tpoġġi piż kbir fuq il-ħaddiema u fuq min iħaddimhom fi żmien meta rridu ninkoraġġixxu lin-nies jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol,” qal il-Prof Scicluna. “Il-politika tal-Gvern li n-nies ikun jaqblilhom joħorġu jaħdmu ma tirnexxix għal kollox jekk f’dan il-mument jiddaħħlu l-pensjonijiet tat-tieni pilastru.”

 

 

Il-Ministru rrimarka li kull min għadu żgħir fl-età għandu jirrealizza li jekk irid li meta jirtira jibqa’ jkollu kwalità ta’ ħajja tajba, jeħtieġ li jara li mal-pensjoni li jirċievi mill-Istat ikollu wkoll pensjoni privata tal-għażla tiegħu.

 

– Friday, 13th November, 2015

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *