Waqt laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, il-membri ngħataw preżentazzjoni dwar l-aħħar żviluppi fil-qasam tat-tassazzjoni fuq livell Ewropew u dak globali.
Stqarrija mill-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza,
Mill-Ministeru għall-Finanzi,
u
Mis-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia fetaħ il-laqgħa billi sostna li s-sistema tat-tassazzjoni hija importanti mhux biss għall-imsieħba soċjali iżda għall-pajjiż b’mod ġenerali.
Huwa qal li hemm madwar 10,000 impjieg dirett u eluf oħra indiretti wara s-sistema tat-tassazzjoni li f’Malta tant ħadmet b’suċċess fl-aħħar snin. Spjega kif fl-aħħar snin rajna żieda ikbar fl-investiment dirett barrani, tant illi fl-ewwel sitt xhur tal-2018 kien hemm żieda ta’ €2 biljun.
“Il-Malta Attractiveness Survey tas-sena l-oħra wera kif 88% minn dawk li investew f’Malta għażlu lil pajjiżna minħabba r-reġim vantaġġjuz tat-tassazzjoni. B’hekk huwa importanti li nkomplu naħdmu u nissalvagwardjaw din is-sistema preżenti”.
Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia żied li hu favur miżuri li jagħtu iktar trasparenza, li jimminimizzaw l-evitar tal-ħlas tat-taxxa u li s-sistemi jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku ikbar u sostenibbli. Madankollu hu saħaq li biex nindirizzaw l-isfidi li għandna bħala pajjiż, jeħtieġ li nkunu magħqudin wara s-sistemi li għandna, b’mod speċjali fil-kuntest ta’ Brexit u l-bżonn li niffurmaw koalizzjoni ġdida ta’ pajjiżi li għandhom interess dirett f’dan is-settur biex flimkien nipproteġu s-sistema preżenti, wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli qalet li l-punt ta’ tluq huwa li nissalvagwardjaw l-interess nazzjonali. Tenniet l-importanza li l-għodod fiskali jibqgħu f’idejna waqt li naraw li ma jkunx hemm piżijiet li joħonqu t-tkattir tal-ġid.
Il-Ministru Helena Dalli fissret kif din hija l-aktar kompetenza nazzjonali importanti biex nassiguraw is-sostenibbiltà tat-tkabbir ekonomiku li qed nesperjenzaw bħalissa—kif jixhed l-invesitment dirett barrani u l-miżuri li ttieħdu biex in-nies qed jibqgħalhom aktar flus fil-but—u allura jeħtieġ li niddefenduha b’konsistenza mat-Trattati tal-Unjoni Ewropea. Dan b’mod speċjali fil-kuntest tal-iżvantaġġi ġeografiċi tagħna bħala gżira distinta mill-kumplament tal-Ewropa.
Hawnhekk il-Ministru Dalli appellat lis-sħab soċjali biex jagħtu sehemhom fid-djalogu u b’mod kostruttiv nindirizzaw id-diverġenzi li jista’ jkun hemm bejnietna bil-għan li jkollna bażi nazzjonali b’saħħitha u vuċi soda u unanima fuq livell Ewropew.
Waqt il-preżentazzjoni tiegħu, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna spjega li s-sistema tat-taxxa ta’ Malta kienet ġiet aċċettata kemm mill-Unjoni Ewropeja (UE) u anke mill-OECD qabel Malta daħlet fl-UE. Iżda llum qed ikun hemm aktar enfasi, kemm mill-Kummissjoni Ewropeja u anke mill-OECD, fuq tax avoidance, jiġifieri timminimizza t-taxxa dovuta b’mod legali.
Għal dan il-għan, f’Malta daħħalna diversi direttivi u leġislazzjonijiet sabiex ikunu konformi fosthom implementajna l-Anti Tax Avoidance Directive 1 (ATAD1) u l-ATAD2 u qed nipparteċipaw fl-OECD Global Forum fuq it-trasparenza fit-taxxa u l-BEPS Inclusive Framework li identifika diversi miżuri sabiex tiġi minimizzata t-tax avoidance.
Fejn jidħlu l-kunċetti ta’ tassazzjoni ġodda, fosthom il-Financial Transaction Tax (FTT) u l-Common Consolidated Corporate Tax Base (CCCTB), il-Ministru Scicluna ċċarra li għall-kuntrarju tal-impressjoni li tingħata, mhux Malta biss hi kontra dawn it-taxxi, iżda huma biss inqas minn nofs l-istati membri li jridu li dawn it-taxxi jiddaħħlu u dan għax jaqbel lilhom a skapitu tal-pajjiżi l-oħra.
Il-Ministru spjega wkoll li anke fil-każ tar-rapport tal-Tax Justice Network, Malta ma tisemmiex la fost l-għaxar pajjiżi fl-Indiċi tal-Corporate Tax Haven, liema pajjiżi huma kkunsidrati li għamlu l-aktar sabiex jevadu t-taxxa korporattiva u lanqas fost l-għoxrin pajjiż. F’din il-lista, 6 mill-10 pajjiżi msemmija huma l-istati membri tal-UE jew id-dipendenzi tagħhom.