Konsultazzjoni pubblika bi preparazzjoni għall-baġit 2021


“Kien ta’ pjaċir tiegħi li, minkejja dawn iċ-ċirkostanzi preżenti, żammejna l-kuntatt annwali tagħna mal-pubbliku, sabiex nisimgħu u niddiskutu s-suġġerimenti u l-opinjonijiet tal-familji u n-negozji għall-baġit 2021.  Permezz ta’ dawn il-konsultazzjonijiet pubbliċi, il-gvern iħoss il-polz taċ-ċittadini tagħna u jagħmel baġit li jolqot l-esiġenzi tan-nies. Dan il-gvern, permezz tal-baġit li ġej, ser juri li s-sostenn tiegħu ser jibqa’ għaddej sakemm il-pajjiż għandu bżonn.” Dan intqal mill-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna, waqt konsultazzjoni pubblika li saret b’mod virtwali bi preparazzjoni għall-baġit li ġej.

Waqt din il-konsultazzjoni, il-pubbliku ngħata ċ-ċans sabiex iwassal il-fehmiet u l-mistoqsijiet tiegħu lill-Ministru Scicluna dak il-ħin. Matul din l-attività, ġew diskussi diversi oqsma li n-nies iħossu li l-gvern għandu jkompli jindirizza.

Fost is-suġġerimenti tal-pubbliku, tqajjmu għad-diskussjoni temi bħall-pensjonijiet, l-ambjent, l-investiment f’Għawdex, il-fondi tal-Unjoni Ewropea u miżuri li jagħmluha aktar faċli sabiex in-nies isiru sidien ta’ darhom. Il-Ministru Scicluna laqa’ s-suġġerimenti mressqa u wiegħed li, bħal ma għamel fis-snin li għaddew, dan il-baġit se jkun fih miżuri li se jkomplu jindirizzaw dawn l-oqsma.

F’dan ir-rigward, il-Ministru Scicluna semma’ xi miżuri li ġew minn suġġerimenti tan-nies u li ġew implimentati fil-baġits preċedenti. Fost dawn, il-Ministru semma’ miżuri bħar-rifużjoni tat-taxxa fuq id-dividendi, il-bonus għal dawk l-anzjani li ma ħallsux biżżejjed kontribuzzjonijiet sabiex ikunu eliġibbli għall-pensjoni u li persuni li jaħdmu jkunu jistgħu jħallsu l-kontribuzzjonijiet nieqsa sabiex ikollhom pensjoni.

Il-Ministru ġie mistoqsi wkoll dwar it-tfassil tal-baġit għal din is-sena fi sfond ta’ kriżi fejn id-dħul tal-gvern naqas b’mod drastiku. Il-Ministru Scicluna spjega kif, matul dawn is-seba’ snin, il-gvern ippjana l-finanzi tal-pajjiż b’mod għaqli tant li rnexxielu jġemma’ għal meta jkun hemm bżonn. Dan qed jagħtih l-ispazju fiskali meħtieġ sabiex ikun jista’ jonfoq fejn l-iktar li hemm bżonn.

Friday 18th September 2020

,