L-anqas Rata ta’ Qgħad mill-2000 ‘l hawn: Malta t-tielet l-aqwa fl-Ewropa


​Statistika uffiċjali dwar il-qgħad ippubblikata mill-Eurostat illum (http://goo.gl/1jmKdn) tindika li r-rata tal-qgħad f’Malta għax-xahar ta’ Mejju kienet ta’ 5.7%. Din hija t-tielet l-anqas rata tal-qgħad irreġistrata fl-Unjoni Ewropea. Anqas minn Malta, hemm biss l-Awstrija u l-Germanja. Pajjiżna għandu rata tal-qgħad li hija anqas min-nofs ta’ dik irreġistrata fiż-żona Ewro.

 

eurostat_logo

Ir-riżultat miksub minn pajjiżna f’Mejju jimmarka l-anqas rata ta’ qgħad li ġiet irreġistrata f’Malta mindu l-Eurostat bdiet tiġbor l-istatistika tagħha fuq pajjiżna f’Jannar tas-sena 2000. L-anqas li qatt kienet niżlet qabel ir-rata tal-qgħad f’Malta kien ir-riżultat ta’ 5.9% f’Marzu tal-2008. Min-naħa l-oħra l-ogħla rata kienet ta’ 8% f’Ottubru tal-2003.

 

Din hija xhieda tal-għaqal li biha qed imexxi dan il-Gvern fil-qasam tax-xogħol permezz ta’ pjan konkret u mmirat lejn tkabbir ekonomiku li joħloq ix-xogħol.

 

Il-medja tar-rata tal-qgħad f’Malta mill-bidu tas-sena 2000 sal-bidu ta’ din l-amministrazzjoni kienet ta’ 6.9%. F’Marzu 2013 ir-rata tal-qgħad, kienet ta’ 6.3%. L-istatistika tal-Eurostat tindika li sa Ottubru 2013 ir-rata tal-qgħad kienet żdiedet għal 6.6%. Wara dan, kien hemm bidla ċara fl-andament tas-suq tax-xogħol f’Malta, tant li sa Mejju 2014, kien hemm tnaqqis ta’ 0.9 punti perċentwali, biex ir-rata tal-qgħad waqgħet għal rekord storiku ta’ 5.7%.

 

Dan it-tnaqqis kien id-doppju ta’ dak irreġistrat fil-bqija tal-Unjoni Ewropea. B’tali mod li l-pożizzjoni ta’ pajjiżna fil-klassifika tal-pajjiżi bl-anqas rata tal-qgħad tjiebet konsiderevolment. Mentri f’Marzu 2013 pajjiżna kellu l-ħames l-anqas rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea, f’Mejju sirna t-tielet l-aqwa, għax ir-rata tal-qgħad f’pajjiżna naqset taħt dik li hemm fil-Lussemburgu u fl-Olanda.

 

Il-figuri tal-Eurostat jindikaw li r-rata tal-qgħad ilha nieżla minn Ottubru 2013 u issa laħqet minimi storiċi, kuntrarju għal propaganda li saret fl-aħħar xhur. Dan huwa riżultat taż-żieda ferm qawwija fin-numru ta’ impjiegi f’pajjiżna. L-aħħar rapport ekonomiku tal-Kummisjoni Ewropea nnota li matul l-2013 pajjiżna kellu l-aqwa rata ta’ żieda fl-impjiegi fl-Unjoni Ewropea, 3.1%, u kien bassar li fl-2014 kien se jkollu t-tieni l-aqwa rata, 2.1%.

 

Mhux talli qed taqa’ r-rata tal-qgħad, imma talli anke in-numru ta’ nies qiegħda beda jonqos. Filfatt statistika tal-Korporazzjoni ghax-Xogħol u Taħriġ tindika li n-numru ta’ nies fuq ir-reġistru tal-qgħad f’Mejju naqas ghal 7,141. Dan meta sa Jannar l-ammont ta’ nies fuq ir-reġistru kien ta’ 7,789. F’erbgħa xhur kellna tnaqqis ta’ kwazi 650 persuna jirreġistraw, jew tnaqqis ta’ aktar minn 5 kull jum.

 

Dawn ir-riżultati, li huma frott il-politika ekonomika pożittiva mħaddna minn din l-amministrazzjoni, mistennija jkomplu jitjiebu. It-tbassir tal-Kummisjoni Ewropea jindika li fis-sentejn li ġejjin pajjizna ser ikompli jkollu rata ta’ tkabbir ekonomiku aqwa mill-medja ta’ dawn l-aħħar għaxar snin. Dan mistenni jwassal għal tkabbir qawwi fl-impjiegi u tnaqqis ieħor fir-rata tal-qgħad ta’ pajjiżna.

 

– Tuesday, 1st July, 2014

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *