F’pajjiz bħal tagħna, fejn is-suq lokali huwa wieħed żgħir u fejn kważi rridu nimportaw kollox, l-investiment barrani fis-settur tal-esportazzjoni għandu jingħata l-prijorità ewlenija. Huwa importantissimu għall-ekonomija. Tant li jitqies bħala indikatur ta’ suċċess jew le. Pajjiż modern li jrid jattira l-investiment barrani jrid ikun trasparenti u effiċjenti. Jekk l-investitur barrani jibda jiddubita minn dawn l-elementi importanti jkun ifisser li l-investiment barrani se jinżamm lura.
L-investiment barrani jfisser ħafna. Ifisser li bih ikunu qegħdin jinġiebu lejn pajjiżna ideat ġodda, dinamiżmu għall-kisba tas-swieq, abbiltà fil-kompetittività ma’ pajjiżi oħrajn. Investiment barrani jkun ifisser infiltrazzjoni f’suq globali fejn tista’ tgħid li m’għandux limitu.
Ma jfissirx li m’hemmx kontribut minn attivitajiet ekonomiċi oħrajn, bħalma hija dik lokali u li qiegħda tikkompeti ma’ importazzjoni, jiġifieri tagħmel affarijiet li nimportaw bħalhom u flimkien jikkompetu fis-suq lokali. Hemm ukoll l-attività ekonomika l-oħra li normalment m’hemmx kompetizzjoni għaliha għajr dik interna, imma mhux minn prodott importat. Ħafna servizzi lokali jaqgħu f’dan is-settur.
Kollha huma attivitajiet ekonomiċi validi għax kollha joħolqu x-xogħol. Imma l-investiment barrani jiftaħ bibien ferm usa u ’l barra minn xtutna. Għal hekk huwa preferut.
L-investiment barrani madwar id-dinja huwa ta’ madwar ħames mitt biljun dollaru fis-sena. Nofsu jmur fl-Ewropa, fejn ivarja wkoll fil-pajjiżi ta’ dan il-kontinent. Ir-raġunijiet li jwasslu biex jattiraw investiment lejn pajjiż jew ieħor ivarjaw ukoll.
Fost dawn “ir-raġunijiet” jissemmew l-aktar il-pagi, il-livell tagħhom, peress li huma fattur importanti fl-ispiża tal-produzzjoni. Imma dan lanqas ma jfisser li għandna nżommu l-pagi baxxi biex inkunu kompetittivi. Hemm il-produttività li tpatti għall-fatt li l-pagi ma jkunux neċessarjament baxxi.
Kieku Malta m’għandhiex produttività għolja, f’ċerti setturi ma tikkompetix. Għandna pagi f’pajjiżna li huma ogħla mill-pagi fiċ-Ċina, fit-Tuneżija u f’pajjiżi oħrajn, imma għandna produttività ogħla. Hemm fatturi oħrajn li jattiraw l-investiment barrani. L-investitur barrani jiġbor kollox f’pakkett u jrid jara li billi ħaġa tpatti għall-oħra l-probabbiltà kbira tkun li jkollu suċċess u allura jinvesti.
Eżempju ta’ dan jista’ jittieħed minn studju li għamlet il-kumpanija tal-awdituri Ernst & Young fuq dan is-suġġett, x’jattira u x’ma jattirax l-investiment barrani f’pajjiżna. L-istudju ma sarx fost investituri li forsi qegħdin jikkonsidraw jinvestu f’pajjiżna jew le, imma sar fost barranin li diġà investew, u qegħdin jinvestu f’Malta.
Minn dan l-istudju jirriżulta li fost dak li jattira investiment barrani lejn pajjiżna hemm il-fatt li l-Ingliż huwa mitkellem tajjeb u kważi minn kulħadd. Hemm il-fatt li l-ħaddiema tagħna huma tajbin u kapaċi jitgħallmu, kapaċi jitħarrġu u kapaċi jtellgħu produttività għolja. Semmew il-fatt li sew l-investitur barrani u l-familja tiegħu li jkunu fostna minħabba l-investiment li jkunu għamlu, isibu fostna ħajja ta’ kwalità tajba u komda, anke għal dak li huwa divertiment.
Hemm imbagħad in-naħa l-oħra tal-munita. Hemm il-fatturi li jnisslu tħassib. L-ispiża tal-enerġija hija dik ewlenija, kumplimentata mill-fatt li l-provvista tagħha mhix daqstant stabbli u dan qegħdin jarawh li qed itellifhom ħafna mill-produzzjoni. It-trasport bil-baħar huwa proble matiku u bi spiża għolja. Minkejja r-riformi li jingħad li saru f’dan is-settur, f’għajnejn l-investitur barrani għadu mhux daqstant benvist. Hemm ukoll il-burokrazija, il-mod li bih jopera l-Gvern jew l-aġenziji tiegħu.
Ma nistgħux ngħidu li r-rata tal-investiment barrani f’pajjiżna mhix waħda għolja. M’aħniex il-Ġermanja jew Franza, imma hija ogħla minn ta’ pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali, per eżempju minn tal-Estonja. Iżda huwa eżattament hawn li rridu noqogħdu attenti. Qegħdin inżommuh ir-ritmu ta’ tkabbir għal dak li huwa attirar ta’ investiment barrani, speċjalment paragunat ma’ dak li qegħdin jagħmlu pajjiżi qrib tagħna, u kompetituri tagħna, bħalma huma Ċipru u t-Tuneżija?
Sfortunatament le. Skont l-istatistika tal-UNCTAD filwaqt li pajjiżi bħal dawn għamlu qabżiet kbar f’dawn l-aħħar għaxar snin, aħna mhux qegħdin nikbru daqshom. Nieħdu lil Ċipru. Għal dak li huwa perċentwal tal-investiment globali Ċipru beda minn 0.06 ta’ 1% għal 0.5, għal nofs 1%. L-istess qabżiet għamlet it-Tuneżija. Iżda aħna bdejna minn 0.02 u spiċċajna punt wieħed 0.1 jiġifieri wieħed minn kull għaxra.
X’ifisser dan kollu? Ifisser li rridu nagħmlu l-almu tagħna kollu biex naraw x’inhuma l-problemi li jistgħu qegħdin jostakolaw aktar investiment barrani lejn pajjiżna, u nneħħuhom. L-investiment barrani huwa ta’ importanza kbira biex jinħoloq ix-xogħol għall-ħaddiem Malti u Għawdxi. L-attirar tal-investiment barrani għandu jingħata prijorità.
X’jattira u x’ma jattirax l-investiment barrani
Ricentement il-kumpanija tal-awdituri Ernst & Young għamlet studju (Energising Malta’s Game – Ernst & Young’s 2010 Malta Attractiveness Survey) fost 90 kumpanija barranija li joperaw f’Malta, dwar il-kriterji ta’ pajjiżna li taħthom jista’ jgħin, jew ma jgħinx, biex ikun attirat investiment barrani.
Il-kumpaniji li ħadu sehem f’dan l-istudju jimpjegaw bejniethom madwar 14,000 ruħ.
Fost il-kriterji vantaġġjużi biex ikun attirat investiment barrani hemm li l-Ingliż f’pajjiżna huwa mitkellem tajjeb; il-kapaċità u l-produttività sodisfaċenti tal-ħaddiem; il-munita Ewro bħala l-munita tagħna; il-kwalità tal-ħajja; l-ambjent soċjali u politiku.
Kriterji meqjusin bħala żvantaġġjużi u li jistgħu jżommu milli jkun attirat investiment barrani, hemm l-ispiża tal-enerġija; l-instabilità fil-forniment tagħha; il-burokrazija tal-Gvern u l-ispiża tat-trasport bil-baħar.
Qed ikun suġġerit li l-Gvern jaddotta miżuri li jagħmlu lil Malta aktar kompetittiva u dan billi tingħata ħarsa lejn il-burokrazija; l-inċentivi fiskali; il-provvista u l-ispiża tal-enerġija; it-trasport; l-edukazzjoni; u t-taħriġ.
Din il-ġimgħa fil-Parlament Ewropew
Is-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew se tkun qiegħda tiltaqa’ fi Strasburgu bejn illum u nhar il-Ħamis li ġej. L-aġenda, fil-qosor, ta’ dak li se jkun qed jiġi diskuss hija:
• L-istat tal-Unjoni – Dibatti tu mal-President Barroso: Għada l-President tal-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea Josè Manuel Barroso se jindirizza għall-ewwel darba lill-Membri tal-Parlament Ewropew dwar l-istat tal-Unjoni Ewropea. L-MEPs se jkollhom l-opportunità li jiddiskutu ma’ Barroso dwar l-iżviluppi tal-Unjoni Ewropea mill-Elezzjonijiet Ewropej ta’ Ġunju, 2009 u d-dħul fis-seħħ tat-trattat ta’ Lisbona f’Diċembru, 2009.
• Ċaqliq ta’ persuni Roma fl-Ewropa: Dan is-sajf mijiet ta’ persuni Roma tneħħew minn Franza u ntbagħtu lejn ir-Rumanija u l-Bulgarija. Minn Jannar s’issa dan kien il-każ għal madwar 8,000 persuna. Il-PE se jiddiskuti mal-Kummissjoni dwar jekk l-awtoritajiet Franċiżi u ta’ pajjiżi oħrajn kisrux id-dis pożizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea dwar il-libertà tal-moviment u d-drittijiet fundamentali. Wara huwa mistenni li jivvota fuq riżoluzzjoni dwar din il-kwistjoni.
• Għajnuna għall-vittmi tal-għargħar fil-Pakistan: L-għargħar fil-Pakistan u r-reazzjoni tal-UE għal din il-kriżi umanitarja se jkunu qed jiġu diskussi mal-Kummissjoni llum. Nhar it-Tlieta tal-ġimgħa l-oħra MEPs mill-Kumitat għall-Iżvilupp qalu lill-Kummissarju Kristalina Georgie va li r-reazzjoni tal-UE biex tint bagħat għajnuna fil-pajjiż teħ tieġ li tiġi kkordinata aħjar u li tkun aktar viżibbli fil-post.
• Limiti ġodda għall-ittestjar fuq annimali: L-użu ta’ annimali fl-esperimenti xjentifiċi dalwaqt jista’ jkun li jitnaqqas permezz ta’ leġislazzjoni ġdida, jekk il-PE japprova ftehim milħuq mal-Kunsill f’Lulju li għadda. Skont dan il-ftehim, l-awtoritajiet nazzjonali jkunu meħtieġa jevaljaw l-implikazzjonijiet fuq il-benesseri tal-annimali ta’ kull esperiment magħmul, bil-ħsieb li jingħata post għal metodi ta’ ttestjar alternattivi u jitnaqqas il-livell ta’ wġigħ ikkawżat lill-annimali.
• Il-libertà tal-istampa fl-Unjoni Ewropea lura fil-PE: Għada t-Tlieta l-MEPs għandhom jiddiskutu mal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-espressjoni u ta’ informazzjoni u l-kontroll tal-Gvern fuq il-midja f’bosta Stati Membri.
• Liġi tal-UE kontra d-diskrimi nazzjoni lejn koppji tal-istess sess?: Koppji tal-istess sess, kemm jekk miżżewġin jew fi sħubija ċivili, għadhom jiffaċċjaw id-dis kriminazzjoni fix-xogħol, fl-istudju u fl-ivvjaġġar fl-UE. Dan għax f’ħafna Stati Membri l-konjugi ma jiġux legalment rikonoxxuti bħala membru tal-familja. L-MEPs huma mistennijin jress qu mistoqsijiet lill-KE fuq in-nuqqas tagħha li toħroġ proposti konkreti ta’ liġi f’dan il-qasam.
• Il-President ta’ Mali fil-PE: Il-President ta’ Mali, l-akbar pajjiż tal-Afrika tal-Punent, Amadou Toumani Tourè, se jindirizza lill-MEPs waqt seduta formali għada f’nofsinhar.
• Ftehim kontra l-iffalsikar – Dibattitu dwar in-negozjati riċenti: In-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar il-Ftehim tal-Kummerċ Multilaterali kontra l-Falsifikazzjoni (ACTA) se jiġi diskuss fil-plenarja mal-Kummissjoni nhar l-Erbgħa li ġej. L-għaxar sessjoni ta’ negozjati ACTA saret f’Washington bejn is-16 u l-20 ta’ Awwissu li għadda. ACTA jimmira li jsaħħaħ l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellet twali u l-ġlieda kontra l-iffalsifikar u l-piraterija.
• Sakineh u Zahra – Drittijiet tal-Bniedem fl-Iran: L-MEPs se jiddiskutu r-rispett tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-Iran permezz ta’ dibattitu li għandu jiffoka fuq il-każijiet riċenti tal-Iranjana Sakineh Mohammadi-Ashtiani u ta’ Zahra Nahrami. Mohammad-Ashtiani kienet akkużata b’adulterju u kkundannata għat-tħaġġir. L-Olandiża-Iranjana Ba hrami ġiet arrestata f’Diċembru li għadda tul il-protesti ta’ Jum As hura f’Tehran u miżmuma f’post sigriet minn dak iż-żmien.
Tagħrif ipprovdut mill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta.
www.l-orizzont.com – It-Tnejn, 6 ta’ Settembru, 2010