Il-Proposti tal-MCESD għall-Baġit


Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna, l-Erbgħa waranofsinhar laqa’ uffiċjalment il-proposti tal-membri tal-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (l-MCESD) għall-Baġit li ġej.

 

 STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI

 

Il-laqgħa mal-MCESD saret ftit aktar minn xahar minn mindu l-Ministru ppreżenta lill-Kunsill id-Dokument ta’ Qabel il-Baġit bit-tema Delivering Our Vision, li serva bħala l-bażi għal proċess sħiħ ta’ konsultazzjoni pubblika.

Il-Ministru ta l-assigurazzjoni tiegħu li s-suġġetti kollha li ssemmew fil-proposti ewlenin fosthom in-nuqqas ta’ ħiliet meħtieġa fost il-ħaddiema, l-enerġija, il-mezzi ta’ finanzjament, il-governanza, it-trasport, is-saħħa, u l-pensjonjiet, qegħdin fuq il-mejda tad-diskussjoni baġitarja u qed jingħataw l-attenzjoni mistħoqqa.

pr152058a

Il-Ministru Scicluna qal li l-miri finanzjarji tal-pajjiż qed isiru dejjem aktar ambizzjużi. Sadanittant, għal kull miżura ġdida li tittieħed, il-Gvern irid jara minn fejn se jġib il-flus. “Iddur kemm iddur, ma nistgħu qatt nitilfu d-direzzjoni li d-defiċit jibqa’ nieżel,” qal il-Ministru. “Din hija s-salvazzjoni ta’ pajjżna. Il-kompetittività u l-attrazzjoni tal-investiment iserrħu fuq din id-direzzjoni.” Huwa saħaq li biex pajjiżna jibqa’ kredibbli f’dan il-qasam irid jibqa’ għaddej bir-riformi meħtieġa u jagħti xhieda li l-irkupru mhux sforz iżolat ta’ sena jew sentejn iżda eżerċizzju konsistenti u kontinwu.

Filwaqt li osserva li kien hemm min semma’ l-Programm ta’ Investiment Individwali (l-IIP) bħala s-soluzzjoni, il-Professur Scicluna qal li l-iskop tal-Gvern hu li l-Baġit innifsu jkun kapaċi jieqaf fuq saqajh mingħajr l-għajnuna minn din l-iskema. Madankollu, il-Gvern se jkun qed jitfa’ 30 fil-mija mid-dħul minn din l-iskema għall-Baġit.

 

pr152058b

Dwar il-kost tal-enerġija, il-Ministru fakkar kif meta fil-passat it-tariffi kienu għolew ħafna, il-parti l-kbira tal-kaġun kienet is-sitwazzjoni mwiegħra li tħalliet tispiċċa fiha l-Enemalta. Huwa qal li fl-ewwel ġimgħa tiegħu bħala Ministru għall-Finanzi, kienu qalulu li ma kienet teżisti l-ebda alternattiva għal żieda fit-tariffi minħabba li l-korporazzjoni kellha djun kbar u ħafna mgħaxijiet fuqha, u ma setgħetx tvinċi. Minn dak iż-żmien ‘l hawn, l-Enemalta ġiet ristrutturata iżda għadha f’perjodu ta’ konvalexxenza u mhix f’qagħda li tingħata xokkijiet. Għaldaqstant, parti mit-tariffi tal-lum trid tmur biex jitħallas dejn li sar fil-passat sabiex l-Enemalta tibqa’ tirpilja.

Dwar il-pensjonijiet, il-Ministru qal li l-Gvern qed jevalwa l-proposti li għamel il-grupp strateġiku li kien tqabbad mill-Gvern. Għamilha ċara li l-wegħda li ħadd mill-pensjonanti ma jaqa’ taħt is-60 fil-mija tal-paga medja se tiġi onorata.

Għal-laqgħa, li kienet ippreseduta miċ-Chairman tal-MCESD, is-Sur John Bencini, attendiet il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, l-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Libertajiet Ċivili, Dr Helena Dalli.

 

Wednesday 23rd September 2015

 

timesofmalta_logo   maltatoday2_logo   MI_logo   tvmnews_logo   iNews_Logo   newsbook_logo

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *