Laqgħa mal-imsieħba soċjali bi preparazzjoni għall-Baġit ta’ Rkupru


Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna flimkien mal-Ministru fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela ltaqgħu mal-imsieħba soċjali bi preparazzjoni għall-Baġit ta’ Rkupru li se jitħabbar nhar it-Tnejn 8 ta’ Ġunju 2020.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U S-SERVIZZI FINANZJARJI U L-MINISTERU FI ĦDAN L-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU

Il-Ministru Scicluna spjega kif minkejja l-imxija tal-COVID-19, Malta rreġistrat tkabbir fil-Prodott Domestiku Gross fl-ewwel kwart ta’ din is-sena meta mqabbel mas-sena l-oħra. B’riżultat t’hekk, Malta ġiet iklassifikata fost dawk il-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea l-inqas affetwati ekonomikament mill-pandemija globali. Dan ir-riżultat pożittiv irrifletta d-diversifikazzjoni wiesgħa tal-ekonomija Maltija, fejn il-prestazzjoni tajba tas-setturi tal-kostruzzjoni u l-manifattura kif ukoll is-setturi finanzjarji, tal-informatika u dawk professjonali, ikkumpensaw għad-daqqa li ħadu setturi bħat-trasport u l-akkomodazzjoni. Dan grazzi għall-ħidma ta’ dawk kollha li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa u r-responsabbiltà tal-pubbliku inġenerali li wassal sabiex evitajna lockdown totali. 

Il-Ministru Edward Scicluna spjega wkoll kif għalkemm kien hemm żieda fin-numru ta’ nies li jirreġistraw għax-xogħol, iż-żieda kienet relativament baxxa meta kkumparat ma’ Stati Membri oħra fl-Unjoni Ewropea. It-total ta’ nies qegħda għadu wkoll pjuttost baxx meta mqabbel mas-snin preċedenti, bin-numru ta’ nies jirreġistraw f’April ta’ din is-sena jkun kważi nofs dak irreġistrat fl-2012.

“Ir-riżultati li ksibna s’issa ikkonfermaw li l-pakketti finanzjarji li l-Gvern implimenta s’issa kienu ta’ suċċess sabiex itaffu l-impatt tal-imxija fuq il-likwidita’ tal-kumpaniji u jissalvagwardjaw l-impjiegi. Issa l-Gvern ser ikun qiegħed jgħaddi għat-tieni fażi tal-pjan tiegħu, dak li nippreżentaw Baġit ta’ rkupru, liema baġit ser jgħin lill-kumpaniji u lill-familji sabiex jirkupraw mill-impatt ekonomiku tal-pandemija, issa li l-miżuri ristrettivi qed jitneħħew. B’hekk, b’dan il-Baġit, ser inkunu qed ngħinu l-ekonomija terġa tqum fuq saqajha,”qal il-Ministru Edward Scicluna.

Il-Ministru tkellem ukoll fuq l-erba’ strumenti finanzjarji mħabbra mill-Unjoni Ewropea u spjega kif għalkemm dawn huma miżuri fid-direzzjoni t-tajba, wieħed irid jara kif l-Unjoni Ewropea se tiffinanzja din l-għajnuna. Il-finanzjament irid ikun wieħed ġust u ugwali mingħajr ma’ jikkomprometti l-kompetitività tal-pajjiżi ż-żgħar bħal Malta.

Fl-intervent ta’ introduzzjoni, il-Ministru fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela semma kif wara li l-Gvern laħaq patt soċjali fi ħdan l-MCESD, huwa żamm kelmtu u baqa għaddej b’ħidma kontinwa sabiex jiġu salvati l-impjiegi, u l-ħaddiema jibqgħu b’pagi diċenti u kundizzjonijiet tax-xogħol xierqa. Huwa rringrazzja lis-settur privat, talli taw is-sehem tagħhom, f’dan ir-rigward inkluż fil-kwistjoni tat-top-up fil-pagi tal-ħaddiema tagħhom. Qal li s-sagrifiċċji li saru minn kulħadd, jidher biċ-ċar li qed iħalli l-frott tiegħu, hekk kif anke meta wieħed iqabbel is-sitwazzjoni ta’ Malta ma dik ta’ pajjiżi oħra, id-differenza hija waħda sinnifikanti. Ħeġġeġ lir-rappreżentati ta’ min iħaddem u l-ħaddiema, sabiex kulħadd jibqa jaħdem flimkien ħalli immorru għal din in-normalita’ l-ġdida. Huwa kkonkluda li qal li permezz ta’ dan il-bagit, il-Gvern ser ikun qiegħed ikompli jistimula l-ekonomija tal-pajjiż. Baġit li ser jagħtina stampa ta’ fejn qegħdin bħalissa u li ser jikkumplimenta il-‘war chest’ li l-Gvern kellu għad-disposizzjoni tiegħu tul il-pandemija.

Tuesday 2nd June 2020

,