Laqgħat tal-Eurogroup u l-ECOFIN f’Berlin


Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna attenda l-ewwel laqgħat mhux virtwali tal-EUROGROUP u l-ECOFIN li saru minn kemm ilha li faqqgħat il-pandemija tal-Covid-19, liema laqgħat saru f’Berlin bejn il-11 u t-12 ta ‘Settembru 2020.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U S-SERVIZZI FINANZJARJI

Matul dawn il-laqgħat, il-Ministri għall-Finanzi tal-Unjoni Ewropea ddiskutew il-futur tal-Ewropa fid-dawl tal-effetti tal-pandemija COVID-19 u kif l-Unjoni għandha tipprepara ruħha biex tindirizza l-isfidi futuri.

Matul l-intervent tiegħu, il-Ministru Scicluna qal, “Din il-kriżi biddlitilna l-mod ta’ kif naħsbu u ffukajna fuq ir-riżorsi u l-kapaċitajiet tagħna biex nirreaġixxu għall-kriżi. Meta nħarsu lura, għandna nkunu kburin li bħala stati membri flimkien mal-Bank Ċentrali Ewropew, ħaddanna politika ekonomika tajba li indirizzajna l-isfidi li nħolqu b’din il-pandemija. Issa qed niffaċċjaw fażi ġdida bi sfidi ġodda, li teħtieġ aktar kordinazzjoni, speċjalment fir-rigward tal-użu tal-Fondi għall-Irkupru. B’aktar koperazzjoni nkunu nistgħu nottjenu aktar ġid bil-fondi finanzjarji li hemm għad-dispożizzjoni tal-istati membri.”

Il-Ministru Scicluna kompla jgħid, “Irridu nsibu bilanċ meta nistabbilixxu x’livell ta’ defiċit se jkollna għall-2021. Filwaqt li d-defiċit huwa dejjem piż finanzjarju għal-futur li jrid jiġi kopert, għandna bżonn naġixxu sakemm tibqa’ magħna l-kriżi.”

Il-Ministri ddiskutew ukoll l-użu ta’ riżorsi pubbliċi biex jiżguraw irkupru ekonomiku rapidu. Il-Ministri taw ħarsa lejn is-sitwazzjoni ekonomika u x’tip ta’ politika ekonomika hemm bżonn li titħaddan, kemm fuq livell Ewropew u nazzjonali. Huma ddiskutew ukoll kif għandha titkompla r-riforma tal-Unjoni Bankarja, liema riforma tinkludi wkoll it-Trattat tal-ESM.

Il-Ministru Scicluna kellu wkoll laqgħa bilaterali mal-Ministru għall-Finanzi Ġermaniż Olaf Scholz, fejn iddiskutew ir-rispons ekonomiku taż-żewġ pajjiżi li ntuża fir-rigward tal-pandemija, u l-ħtieġa li tiġi diskussa politika kkoordinata mill-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-migrazzjoni fil-Mediterran.​

Photos: BMF/Thomas Koehler/photothek

12/09/2020

,