F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna u l-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon ħabbru li aktar minn 6,000 persuna jew inkella l-werrieta tagħhom se jirċievu kważi €12-il miljun bejniethom fil-jiem li ġejjin biex jikkumpensaw għal xi anomaliji jew inġustizzji li soffrew fil-passat.
Il-Ministru Scicluna qal li fost dawn hemm l-eks membri tal-korpi u li daħlu uffiċjalment fis-servizz pubbliku wara s-16 ta’ Jannar tal-1979, eks ħaddiema tax-xatt ta’ bejn it-2 t’April 1973 u l-1 ta’ Ġunju 2007 u anke uffiċjali tal-pulizija li ħadmu diversi sigħat f’sahra bejn l-1 ta’ Settembru 1993 u l-31 ta’ Diċembru 2009 u li ma tħallsux tagħha. Il-ħlas li se jingħata hu t-tieni pagament li se jingħata wara wegħda elettorali fl-2017, minbarra pagament ieħor li se jsir is-sena d-dieħla kif imwiegħed fil-baġit għas-sena 2019.
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U MILL-MINISTERU GĦALL-FAMILJA, DRITTIJIET TAT-TFAL U SOLIDARJETÀ SOĊJALI
“Il-Gvern ma kellu l-ebda obbligu legali li jagħmel dan iżda xorta ħass l-obbligu morali li jindirizza dawn l-anomaliji. Fil-fatt kien intrabat li jagħmel dan b’wegħda elettorali fl-2013; wegħda li ġiet rikonfermata fil-manifest tas-sena l-oħra”, qal il-Ministru għall-Finanzi.
“B’mod konkret dan il-gvern jinteressah mill-interessi ta’ dawk il-persuni li fil-passat sofrew inġustizzji u għalhekk sena wara oħra qed inkomplu nqassmu dawk il-flus li ttieħdu lil dawn il-ħaddiema”, żied il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon.
[nggallery id=320]
Il-Ministru Falzon qal li b’kollox 655 eks ħaddiema tax-xatt jew l-eredi tagħhom qed jibbenefikaw din is-sena mill-iskema miftuħa għalihom, bi ħlasijiet li jlaħħqu ’l fuq minn 4 miljun ewro.
Fost dawn il-persuni hemm dawk li applikaw l-ewwel darba din is-sena u għalhekk qed jirċievu wkoll dik il-parti tal-għotja li tħallset lil sħabhom is-sena l-oħra.
Il-Ministru Michael Falzon irrefera wkoll għall-ħlasijiet dovuti lill-pulizija fuq sahra mhux imħallsa bejn Settembru tal-1993 u Diċembru tal-2009. Din is-sena l-kumpens qed jirċevuh aktar minn 2,500 benefiċjarju li kienu fil-gradi ta’ kuntistabbli, surġent jew surġent maġġur u ħadmu sigħat addizzjonali bħala sahra li qatt ma tħallsu għalihom.
Grupp ieħor ta’ persuni jew l-eredi tagħhom li din is-sena bbenefikaw minn fondi oħra huma dawk li fil-passat kienu jaħdmu mal-Malta Electricity Board. B’hekk din se twassal biex madwar 270 persuna jew l-eredi tagħhom jibbenefikaw minn dawn il-ħlasijiet.
Il-Ministru Michael Falzon ikkonkluda billi rringrazzja lil dawk kollha involuti li bil-ħidma tagħhom għat-tieni sena komplejna nwettqu wegħda oħra ta’ dan il-gvern.
- Tuesday, 20th November, 2018