Malta assorbiet biss 33% tal-fondi Ewropej


F’sitt snin, Malta assorbiet biss 33% tal-Fondi Ewropej allokati lilha.

Dan żvelah l-Ewro Parlamentari Laburista l-Professur Edward Scicluna f’konferenza tal-aħbarijiet.

Edward Scicluna kkwota t-tweġiba tal-Kummissjoni Ewropea għall-mistoqsija tiegħu, fejn b’kollox minn €855 miljun allokati, Malta assorbiet biss €198 miljun, filwaqt li €80 miljun oħra ġew depożitati, iżda jkolljom jingħataw lura f’każ li l-proġetti ma jsirux. Dan kollu jammonta biss għal 33%.

Prof Scicluna qal li t-€855 miljun allokati għal Malta għandhom jintefqu sal-2015, jew inkella nitilfuhom.

Semma’ kif minkejja li l-Prim Ministru Lawrence Gonzi jgħid li Malta hija fost l-ogħla pajjiżi fl-użu tal-fondi Ewropej, ir-realtà hija ferm differenti meta wieħed jara kemm minn dawn il-fondi ġew assorbiti fil-kaxxa ta’ Malta. Huwa kkwota mid-diskorsi tal-Budget tal-aħħar snin li juru li b’mod konsistenti kien hemm infieq iktar baxx milli previst fin-nefqa kapitali marbuta mal-fondi Ewropej.

L-Ewro Parlamentari Laburista talab lill-Gvern jagħti spjegazzjoni u jserraħ moħħ il-familji Maltin u Għawdxin li m’hemmx biżà li pajjiżna jitlef il-fondi tal-Unjoni Ewropea. Saħaq li Gvern Ġdid, ikun min ikun, irid jassorbi €600 miljun f’sentejn meta f’sitt snin assorbejna biss €200 miljun.

Qal li anke l-Awditur Ġenerali fir-Rapport tiegħu jgħid li m’għandniex problemi biex nonfqu l-flus, iżda l-problema tiġi biex il-flus jintefqu bil-għaqal.

Edward Scicluna temm jgħid li l-Partit Laburista qed joffri t-tama lill-familji, għaliex jemmen li Malta għandha l-potenzjal, iżda jrid ikollna l-għaqal biex nassorbu dawn il-fondi.

 

 

– Partit Laburista : Friday, 7th December, 2012

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *