Malta fuq quddiem fl-Unjoni Ewropea fit-tnaqqis tad-dejn


Hu inkredibbli kif l-Oppożizzjoni qed toħorġ tikkritika lill-Gvern li qed jgħabbi ġenerazzjonijiet futuri bid-dejn meta figuri uffiċjali tal-Eurostat ikkonfermaw preċiżament il-kontra, li Malta qiegħda fuq quddiem fl-Unjoni Ewropea fit-tnaqqis tad-dejn.

 

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI

Ta’ min ifakkar lix-Shadow Minister għall-Finanzi li, taħt amministrazzjonijiet preċedenti Nazzjonalisti, il-pajjiż tgħabba b’dejn nazzjonali ta’ xejn inqas minn €5,000 miljun, jew €5 biljun, li nofsu sar fl-aħħar 10 snin. Il-mira ta’ dan il-Gvern, hekk kif wiegħed ukoll fil-manifest elettorali, hi li jwaqqaf iż-żieda allarmanti fid-dejn pubbliku li kien qed ikollna fil-pajjiż taħt l-amministrazzjonijiet preċedenti, li wasal biex jilħaq ir-rata perċentwali ta’ 73 fil-mija.

L-Oppożizzjoni qed tippersisti bl-attitudni negattiva minkejja l-fatt li l-Eurostat ħarġet statistika uffiċjali li mhux biss poġġiet lil Malta fost dawk l-għaxar pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li qed jirnexxielhom inaqqsu d-dejn pubbliku, iżda semmiet lil Malta speċifikament bħala l-pajjiż bit-tieni l-akbar tnaqqis fir-rata taż-żieda tad-dejn fost it-28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea.

 

EuroCoins3460
Ta’ min ifakkar lill-Oppożizzjoni li dawn il-figuri tal-Eurostat waslu biss sat-tielet kwart ta’ 2014. Dan ifisser li ma ħadux akkont tal-qbil li l-Gvern irnexxielu jiffirma mal-kumpanija Shanghai Electric. Dan il-qbil se jwassal biex mhux biss tissaħħaħ il-korporazzjoni Enemalta, li taħt amministrazzjoni preċedenti kienet għarkubtejha u fuq xifer il-falliment, imma wkoll sabiex jissaħħu l-finanzi tal-Gvern.

Ir-riżultat tal-effett ta’ dan il-qbil fuq il-finanzi tal-Gvern, li jirrappreżenta investiment ta’ €320 miljun fil-qasam tal-enerġija, għad irid jiġi ppubblikat mill-aġenzija Eurostat fix-xhur li ġejjin.

Il-Gvern hu fiduċjuż li se jkompli jsaħħaħ il-finanzi tal-pajjiż b’mod li jiżgura ferm tajjeb għall-istabbiltà futura ta’ pajjiżna.

 

timesofmalta_logo  newsbook_logo  tvmnews_logo  maltatoday2_logo   govmt_logo

– Friday, 23rd January, 2015

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *