Il-vantaġġ kompetittiv ta’ Malta qed jinbidel – Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna [WATCH]


Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna huwa tal-fehma li l-vantaġġ kompetittiv ta’ pajjiżna qed jinbidel u Malta jeħtieġ tindirizza din is-sitwazzjoni.

Waqt li kien qed jindirizza s-Seba’ Konferenza Annwali dwar it-Tassazzjoni, organizzata mill-Malta Institute of Management, il-Professur Scicluna qal li huwa mhux jgħid li Malta qed titlef jew tigg­wadanja b’dan imma l-kitba qiegħda fuq il-ħajt.

“Mill-pożizzjoni li kelli fil-Parlament Ewropew ma stajtx ma ninnutax li l-leġiżlazzjoni Ewropea qed tnaqqar mill-vantaġġ fiskali li pajjiżi bħal Malta kellhom fil-passat. Imma dan qed iseħħ b’mod gradwali u allura jagħtina ċ-ċans li naġixxu”.
Il-Ministru tal-Finanzi semma li Malta ma tistax tkun dipendenti fuq settur wieħed għat-tkabbir ekonomiku għax dan ikun riskju u saħaq li jeħtieġ niddiversifikaw u dan ifis­ser li m’għandniex nirrifjutaw li niddiskutu idea ta’ negozju sempliċiment għax tista’ tkun tidher stramba.

MFIN_22032013_02
Dwar id-diversifikazzjoni fis-settur finanzjarju, il-kelliem qal li għalkemm ġie rrappurtat li l-assi bankarji jammontaw għal 800% tal-Prodott Gross Domestiku, inqas minn 250% huma ta’ banek b’orjentament lokali.

Kien għalhekk li semma l-bżonn li nassiguraw li l-pajjiż iżid il-valur b’attivitajiet finanzjarji ta’ iktar kwalità iktar milli dħul akbar sakemm dan ma jkunx f’oqsma ġodda fis-settur tas-servizzi finanzjarji u għalhekk jirrispetta l-prinċipju tad-diversifikazzjoni.

Il-Professur Scicluna rrefera għas-sitwazzjoni ekonomika f’diversi pajjiżi, fosthom f’Ċipru, u enfasizza l-bżonn tas-sostenibbiltà waqt li saħaq li rridu nsaħħu l-produttività u l-kompetittività kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell settorjali ħalli nassiguraw li l-ekonomija tkun soda.
Huwa enfasizza l-bżonn li l-finanzi tal-pajjiż u d-dejn ikunu sostenibbli, li nattiraw investiment barrani u li nkom­plu nimplimentaw qafas regolatorju finanzjarju b’saħħtu.
Kien hawn li semma li l-Gvern iddeċieda li r-regolamentazzjoni finanzjarja u l-promozzjoni tas-servizzi finanzjarji jsiru jaqgħu taħt żewġ ministri differenti biex jiġi evitat kunflitt ta’ interess.
Il-Ministru Scicluna rrefera wkoll għal dik li tissejjaħ Common Consolidated Corporate Tax Base (CCCTB) u l-Financial Transaction Tax (FTT) u qal li l-Gvern jopponi sistemi ta’ tassazzjoni li jisirqu r-riżorsi tal-istati l-foqra.
Waqt li semma kif jemmen li l-introduzzjoni tas-CCCTB tillimita l-kompetittività ta’ pajjiżna, il-Ministru tal-Finanzi qal li jekk l-FTT tiddaħħal f’numru limitat ta’ pajjiżi dan jagħmel ħsara lill-kompetittività nazzjonali u reġjonali.
Fi tmiem id-diskors tiegħu, il-Professur Scicluna semma li mindu nħatar fil-kariga rċieva diversi telefonati minn persuni b’suġġerimenti varji fost­hom dwar il-governanza u l-ideat fin-negozju u tenna li huwa lest biex jisma’ l-ideat tas-setturi kollha involuti fost­hom dawk li jaħdmu fil-qasam tat-tassazzjoni.

 

– ONE News –

 

 

– Links –

 

govmt_logo  onewnews  orizzont_logo

– onenews : Friday, 22nd March 2013

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *