Il-membri tal-MEUSAC u tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali illum kienu mistiedna jiddiskutu l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma għas-Sena 2020 ippreżentat mill-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna.
Dan id-dokument, li jiġi sottomess lill-Kummissjoni Ewropea lejn l-aħħar ta’ April, prinċiparjament jirrapporta l-progress li qed isir rigward l-implementazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi (Country Specific Recommendations) u l-miri nazzjonali stabbiliti mill-Unjoni Ewropea għas-sena 2020.
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U S-SERVIZZI FINANZJARJI U MILL-MINISTERU FI ĦDAN L-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU
Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna qal li, “fid-dawl tal-imxija tal-COVID-19, bħala Gvern, konna f’pożizzjoni tajba li nniedu baġit addizzjonali għall-2020, għaliex tlaqna minn punt ta’ ekonomija b’saħħitha. Mill-2016 ‘il quddiem, irnexxielna nirreġistraw surplus fiskali kull sena u nnaqqsu l-proporzjon tad-dejn mal-prodott domestiku gross taħt il-limitu tal-Unjoni Ewropea ta’ 60 fil-mija, għal dak qrib l-40 fil-mija fl-2019. Fl-istess waqt, bħala pajjiż irreġistrajna fost l-ogħla tkabbir ekonomiku u fost l-ogħla rati fiż-żieda tal-impjiegi fl-Unjoni Ewropea, kull sena konsekuttiva. Is-sena li għaddiet, irreġistrajna ukoll it-tielet l-ikbar żieda fir-rati ta’ mpjiegi fost il-persuni ta’ bejn 20 u 64 sena mill-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea.”
Il-Ministru Scicluna kompla billi qal li bħala Gvern nedejna fost l-aqwa pakketti finanzjarji fl-Unjoni Ewropea, fejn allokajna madwar €2 biljun, li huma ekwivalenti għal ftit iktar minn 15% tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) fl-2019, sabiex ngħinu lill-familji, lin-negozji u lis-self-employed fi żminijiet diffiċli bħal dawn. Dwar il-miżura tad-differiment tat-taxxa, il-Ministru Scicluna ħabbar li din ser tiġi estiża għal aktar xhur, u l-Gvern ser jaġixxi skont kif ikun l-aħjar interess fiċ-ċirkostanzi futuri.
[ngg src=”galleries” ids=”323″ display=”basic_thumbnail” thumbnail_crop=”0″]
Il-Ministru Scicluna tkellem ukoll fuq id-deċiżjoni li ttieħdet fil-Kabinett biex tinbidel l-leġislazzjoni ta’ insolvenza biex jiġu ssalvagwardjati kumpaniji f’xifer ta’ falliment biex jibqgħu joperaw. Qed jiġu ukoll diskussi soluzzjonijiet għad-diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu għal dawk il-kumpaniji li joffru bonds u isħma lill-investituri żgħar u li huma reġistrati fuq il-borża ta’ Malta.
Dwar ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal Malta, il-Ministru Scicluna tkellem fuq il-progress li sar sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu u kif ukoll dwar l-evażjoni tat-taxxa.
Fl-intervent tiegħu, waqt din il-laqgħa konġunta tal-MEUSAC-MCESD Core Group, il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela tenna l-importanza li l-Gvern, is-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili jaħdmu flimkien għas-suċċess ta’ pajjiżna. “Huwa pożittiv ferm li istituzzjonijiet internazzjonali huma pożittivi fuq l-outlook ekonomiku ta’ pajjiżna, u dan għandu jimlina b’kuraġġ, iżda r-riżultati aħna irridu niksbuhom flimkien. Iżjed mal-ħidma tkun waħda konġunta u ħolistika, iżjed jinkisbu riżultati pożittivi”, qal il-Ministru Abela. Hawn il-ministru saħaq li l-Gvern qed juża proċess trasparenti li jinvolvi mhux biss l-isħab soċjali, iżda anke lis-soċjetà ċivili u l-poplu, ħalli l-miri nkomlu nilħquhom b’suċċess.
Il-Ministru Abela għamel referenza għal żewġ setturi ferm importanti. L-ewwel wieħed, huwa dak tas-settur bankarju, fejn il-Gvern irid jassigura li dan jagħti s-sehem tiegħu fiż-żmien li ninsabu fih, iżda anke wara, ħalli nkunu nistgħu nkabbru l-ekonomija permezz ta’ aktar investiment, minħabba li huwa vitali għall-iżvilupp ta’ pajjiżna. It-tieni wieħed huwa dak tal-iżvilupp sostenibbli, fejn semma kif ir-rapport li sar din is-sena, għall-ewwel darba, jsemmi u jirrimarka kull pajjiż tal-UE fejn wasal, u fil-konfront ta’ pajjżina hemm indikazzjonijiet pożittivi fuq l-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli. Huwa importanti iżda, li nkomplu naħdmu ħalli jkollna aktar suċċessi f’dawn il-miri u għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli.
– 29/04/2020