Bħala parti mill-ħidma tal-Gvern sabiex jinkoraġixxi aktar donazzjonijiet minn intrapriżi, donazjonijiet li jsiru minn kumpaniji lill-Malta Community Chest Fund se jkunu tax deductible.
Dan it-tnaqqis fit-taxxa kien imħabbar mill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca u l-Ministru għall-Finanzi l-Prof. Edward Scicluna, l-Erbgħa 5 ta’ Novembru 2014.
[nggallery id=223]
Filwaqt li kien qed iħabbar din it-tnaqqis fit-taxxa, il-Ministru għall-Finanzi spjega li din il-miżura se tkun parti mill-baġit li ġej, iżda qed titħabbar qabel iż-żmien sabiex l-kumpaniji lokali jkollhom iż-żmien biex jippjanaw għall-ġejjieni.
Din il-miżura se tagħti l-opportunità lill-kumpaniji li jagħmlu donazzjonijiet ta’ €2,000 jew aktar lill-MCCF u jiddikjaraw nofs l-ammont donat bħala expense.
“Il-Ministeru għall-Finanzi jagħraf l-assistenza li qed tingħata b’mod voluntarju mill-Maltin u l-Għawdxin kollha, kif ukoll minn dawk l-NGOs li jiddedikaw il-ħin u l-enerġija tagħhom sabiex jipprovdu servizzi filantropiċi lill-pajjiż. F’dan ir-rigward, il-Malta Community Chest Fund għandha rwol essenzjali,” qal Prof. Scicluna.
“Hu għalhekk li l-Gvern irid jinkoraġġixxi li dan il-Fond jikber permezz ta’ inċentivi mmirati, u hu għalhekk li qed inħabbru din il-miżura llum. Permezz ta’ din il-miżura, qed ninkoraġġixxu kultura li diġa teżisti f’bosta pajjiżi oħra, fejn il-Gvern jinċentiva donazzjonijiet u tipi ta’ attivitajiet filantropiċi oħra, speċjalment fost l-intrapriżi,” qal Prof. Scicluna.
“Nafu sew li l-familji jagħtu kemm jifilħu, iżda meta niġi għall-intrapriżi u l-kumpaniji, l-prinċipju tar-responsabbiltà soċjali tippermettilhom jagħmlu ferm aktar,” innota l-Prof. Scicluna. “Aħna qed inħarsu ‘l quddiem sabiex naraw kif taħdem il-miżura u l-impatt tagħha, bit-tama li nkunu nistgħu nespanduha aktar. Għalissa, nistennew u nosservaw l-andament tagħha.”
Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca rringrazzjat lill-Ministru għall-Finanzi l-Professur Edward Scicluna, lill-kabinett u lill-Gvern, għal din l-inizjattiva biex il-pajjiż jirrikonoxxi lil min jerfa’ r-responsabbiltà soċjali. Il-President qalet li din l-inizjattiva hija aħbar tajba għal dawk li huma vulnerabbli, hekk kif il-vulnerabbilta’ tiġi mill-mard, u li ċerta inċidenza ta’ mard hija marbuta ma’ status soċjali.
Il-President rringrazzjat lill-Ministru Scicluna għaliex b’din l-inizjattiva aktar kumpanniji u entitajiet kummerċjali jerfgħu r-responsabbilta’ soċjali.
Skont ir-reġistru nazzjonali dwar il-kanċer, f’dawn l-aħħar għaxar snin, mill-2003 sal-2013, l-inċidenza tal-kanċer fl-irgiel kibret bi 38 fil-mija u n-nisa bi 53 fil-mija. Il-President spjegat li x-xjenza qiegħda ssib kura ġdida iżda li din għandha l-ispejjeż tagħha u li għalhekk li l-Malta Community Chest Fund trid tissaħħaħ biex min ikun għaddej minn mard serju jingħata l-għajnuna. Sostniet li llum l-onkoloġisti u l-professjonisti meta jaffaċċjaw pazjenti b’mard li jirrikjedi kura speċjalizzata, qed jirreferu b’mod awtomatiku lill-pazjenti tagħhom għall-għajnuna tal-Malta Community Chest Fund. B’hekk il-Malta Community Chest Fund ġiet estensjoni tal-provvediment pubbliku soċjali.
Il-President ħeġġet lill-kumpaniji u entitajiet kummerċjali biex jidħlu għal dan l-inċentiv fiskali, u b’hekk ikunu qegħdin isaħħu lill-Malta Community Chest Fund.
– Wednesday, 5th November, 2013