Rapporti li juru li għandna sistema finanzjarja u bankarja reżiljenti


“Ir-rapporti ppubblikati l-ġimgħa l-oħra mill-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Kummissjoni Ewropea, jagħtu stampa pożittiva dwar Malta u jirrimarkaw kif il- Gvern miexi fid-direzzjoni t-tajba f’diversi oqsma”. Dan intqal mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Ministeru għall-Finanzi fil-Belt. Il-konferenza ġiet indirizzata wkoll mis-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Digitali u Innovazzjoni, Silvio Schembri.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI

U

MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAS-SERVIZZI FINANZJARJI, EKONOMIJA DIĠITALI U INNOVAZZJONI

 

Din il-konferenza tal-aħbarijiet trattat it-tliet rapporti li ħarġu l-ġimgħa l-oħra fuq Malta: Ir-Rapport tal-Missjoni tal-Artiklu IV maħruġ mill-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF), ir-Rapport tal-Pajjiż maħruġ mill-Kummisjoni Ewropea (KE) bħala parti mis-Semestru Ewropew u r-Rapport tal-Programm ta’ Assessjar dwar is-Settur Finanzjarju (FSAP) fuq il-valutazzjoni tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja f’Malta maħruġ mill-IMF.

 

Il-Ministru Scicluna innota li kemm l-IMF u anke l-Kummissjoni Ewropea faħħru l-istrateġija tal-Gvern tant li stqarru li l-miżuri li tieħdu appoġjaw il-prestazzjoni ekonomika b’saħħitha, il-ħolqien tal-impjiegi, it-titjieb fil-finanzi pubbliċi u t-tnaqqis fir-riskji tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali. Huwa qal ukoll li ż-żewġ r-rapporti qegħdin ibassru li l-prospetti ta’ tkabbir se jibqgħu favorevoli fis-snin li ġejjin.

 

Fuq is-sistema bankarja ta’ Malta, il-Ministru għall-Finanzi spjega kif il-metriċi ewlenin użati fil-valutazzjoni tal-FSAP urew kif il-banek Maltin huma b’saħħithom hekk kif il-proporzjon tal-adegwatezza tal-kapital totali tal-banek huwa għoli, il-likwidità hija b’saħħitha u l-profitt huwa tajjeb. Is-sistema bankarja nstabet ukoll li kienet reżiljenti taħt xenarji ta’ tensjoni rigorużi u avversi.

 

L-IMF qalet li l-miżuri meħuda biex jiġi implimentat il-pjan ta’ 50 azzjoni kontra l-ħasil tal-flus li ġie adottat reċentement ibbażat fuq in-National Risk Assessment, huma passi fid-direzzjoni t-tajba sabiex tisaħħaħ is-superviżjoni tas-settur finanzjarju u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu.

 

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna kkumenta kif, “Bi pjaċir ninnota li l-prijoritajiet politiċi ewlenin issuġġeriti mit-tliet rapporti inkluż it-titjib tal-infrastruttura, it-tnaqqis tar-riskji fiskali, l-indirizzar tal-pressjonijiet fuq is-soċjal u dawk relatati mal-età u ssalvagwardjar tal-istabbiltà finanzjarja u l-integrità, huma konformi mal-pjan strateġiku ta’ dan il-Gvern għal pajjiżna.”

 

Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri rrimarka li r-rakkomdazzjonijiet li tressqu mill-Fond Monetarju Internazzjonali, permezz tal-Programm ta’ Assessjar dwar is-Settur Finanzjarju (FSAP) ġew ikkunsidrati b’oħrajn diġà kienu implimentati. “Dan ir-rapport li intalab mill-Gvern, ta analiżi dettaljata dwar is-settur tas-servizzi finanzjarji ta’ Malta flimkien ma’ rakkomandazzjonijiet biex nindirizzaw l-isfidi f’din l-industrija,” qal Schembri. Huwa rrimarka li l-aħħar li sar rapport ta’ din ix-xorta kien 17-il sena ilu għaliex il-Gvern preċedenti kien irrifjuta li jagħmel dan l-eżerċizzju fi żmien meta l-Kummissjoni daħlet lil Malta fil-proċedura ta’ defecit eċċessiv.

 

Schembri spjega l-proċess ta’ ristrutturar li għaddiet minnu l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji. Fosthom billi r-Registry of Companies saret aġenzija separata biex b’hekk l-Awtorità tikkonċentra biss fuq l-irwol tagħha ta’ regolatur. “Twaqqaf kumitat għall-awditjar estern fi ħdan l-Awtorità kif ukoll sar proċess rigoruż ta’ trasformazzjoni u eżerċizzju ta’ ristrutturar u dan kien possibli permezz ta’ emendi fil-liġijiet fil-Parlament,” qal Schembri.

 

Schembri rrimarka kif saħansitra fil-Parlamentari għad hemm żewġ abbozzi ta’ liġijiet tal-MFSA u r-raġuni għalfejn m’għaddewx għat-tielet qari hu minħabba li wieħed kien qed jistenna r-rakkomdazzjonijiet tar-rapporti sabiex ikunu kkunsidrati. “Fil-fatt dawn diġà ġew diskussi mal-Oppożizzjoni u se jkunu qegħdin jitressqu fi stadju ta’ kumitat fil-jiem li ġejjin,” qal Schembri.

 

“Kif ġie rrakomandat mill-FSAP, twaqqaf kumitat ta’ infurzar fi ħdan l-Awtorità li se jkun indipendenti mis-CEO u EXCO. Barra minn hekk, permezz tal-istrutturar il-ġdid, l-Awtorità se jkollha fi ħdanha kumitat regolatorju, Kumitat dwar ir-riskji, u kumitat tal-kriminalità finanzjarja,” qal Schembri filwaqt li żied, li l-awtorità għaddejja minn investiment teknoloġiku estensiv sabiex issir iktar effiċjenti u reżiljenti għall-isfidi.

 

“Fuq kollox hemm differenza ċara bejn ir-rapporti li għamlet l-IMF fl-2013. Dawk li ġew ippubblikati riċentament juru l-iżvillupp li sar, fosthom it-tnaqqis fir-rata ta’ qgħad u tkabbir ekonomiku,ac għall-implimentazzjoni tar-rakkomazzjonijiet li saru matul is-snin sabiex inkomplu nsaħħu s-settur tas-servizzi finanzjarji,” temm jgħid Schembri.

Monday 4th March 2019

,

3 responses to “Rapporti li juru li għandna sistema finanzjarja u bankarja reżiljenti”

  1. You’ve done an impressive work on your website in covering the topic. I am working on content about Airport Transfer and thought you might like to check out YV6 and let me what you think.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *