Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ddeskriva l-ġurnata tal-lum bħala waħda importanti ħafna għall-pajjiż peress li ġie ffirmat ftehim li permezz tiegħu se ssir bidla radikali fis-sistema tal-accounting għas-settur pubbliku kollu. Din is-sistema kienet ilha mwegħda għal bosta snin iżda beda x-xogħol fuq it-tender fl-2014.
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI
Din is-sistema, imsejħa Corporate Financial Management Solution (CFMS) hija stmata li se tiġi tiswa €11.6 miljun. L-implementazzjoni tas-sistema se ssir mill-kumpanija tal-awditjar Grant Thornton Malta. L-iffirmar tal-ftehim sar dalgħodu bejn il-kumpanija u d-Dipartiment tal-Kuntratti. L-implimentazzjoni se ssir fuq perjodu ta’ 30 xahar.
Bl-implimentazzjoni ta’ din is-sistema d-Dipartimenti tal-Gvern se jkunu qed iżommu rendikont aktar trasparenti tad-dħul u l-infiq tagħhom fejn se jkunu qed jaqilbu minn sistema ta’ cash flow accounting għal sistema magħrufa bħala accrual accounting.
Il-Ministru Scicluna qal “Il-Ministeri u d-Dipartimenti għandhom il-bżonn li jkollhom lill-impjegati tagħhom mħarrġa fil-ħiliet neċċesarji sabiex dan l-investiment ikun sfruttat kollu.” Huwa għalhekk li se jsir taħriġ intensiv għal dawn l-impjegati u kif ukoll se jiġu ngaġġati impjegati ġodda li diġà għandhom dawn il-ħiliet sabiex ikunu jistgħu jaqsmu l-esperjenzi tagħhom mal-impjegati l-oħra. Dan hekk kif id-Dipartiment tat-Teżor se jkun jeħtieġ numru ta’ ħaddiema fuq bażi full-time biex jagħmlu x-xogħol operattiv u jimplimentaw id-diversi stadji tal-proġett.
Id-Direttur Ġenerali tat-Teżor is-Sinjura Paulanne Mamo qalet li dan il-pass importanti se jwassal sabiex pajjiżna jkollu sistema ta’ rappurtar tal-finanzi trasparenti li permezz tagħha se tkun qed tgħin biex in-nefqa tal-Gvern tkun taħt kontroll u jittieħdu d-deċiżjonijiet neċessarji sabiex inkomplu nirreġistraw surplus.
Id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Kuntratti s-Sur Anthony Cachia sostna li dan id-Dipartiment għandu d-dmir li jara li jiġu implimentati l-aħjar proċeduri fl-għoti tal-kuntratti mill-Gvern.
L-iffirmar tal-ftehim sar bejn id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Kuntratti s-Sur Anthony Cachia u s-Sur Joseph Pullicino partner ta’ Grant Thornton Malta.
Monday 10th July 2017