Skema ta’ rifużjoni għall-impjiegi f’Għawdex


Waqt konferenza stampa li saret fil-Gozo Business Centre, Victoria, il-Ministru għall-Finanzi Edward Sciculna qal li, “l-iżvilupp sostenibbli tal-gżira Għawdxija jiddependi mis-settur privat. Il-Gvern għandu rwol li jinċentiva lis-settur privat sabiex l-ekonomija tkompli miexja ‘l quddiem”.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U L-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX

Waqt it-tnedija tal-iskema biex is-settur privat Għawdxi joħloq aktar impjiegi, il-Ministru Scicluna semma’ kif Għawdex esperjenza tkabbir ekonomiku bla preċedent matul dawn l-aħħar snin.

“Il-miżura li qed titħabbar illum għandha twassal sabiex is-settur privat ikun jista’ joffri aktar impjiegi”, żied jgħid il-Ministru Scicluna.

Il-Ministru Scicluna kkonkluda billi tkellem dwar kif din il-miżura trid tibgħat sinjal qawwi li Għawdex għandu potenzjal għall-investiment produttiv, sew fis-setturi eżistenti kif ukoll dawk ġodda.

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li din l-iskema ġiet imfassla u implimentata wara li kien hemm diskussjoni kemm mal komunità kummerċjali Għawdxija, kif ukoll mal-Ministeru għall-Finanzi. Justyne Caruana tkellmet dwar kif din l-iskema hi speċifikament intiża biex tinkoraġġixxi żieda fl-impjiegi ġodda fis-settur privat. Il-Ministru għal Għawdex ikkwotat statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li turi li sa Diċembru 2016, l-akbar ammont ta’ impjiegi f’Għawdex kienu ġġenerati mis-settur privat.

Il-Ministru Caruana spjegat kif din il-miżura, li ġiet imħabbra fil-budget, se tagħti rifużjoni ta’ 30% tal-paga sa massimu ta’ €6,000 għall kull impjieg ġdid fis-settur privat fuq kuntratt ta’ tliet snin. Hija qalet ukoll li bħala Gvern, irridu nwasslu messaġġ ċar li l-Gvern qiegħed hemm biex jassisti lis-settur privat u mhux biex ifixkel. Il-Ministru Caruana qalet li din il-miżura żgur se tassisti sabiex jinħolqu aktar opportunitajiet ta’ impjiegi u xogħol ta’ kwalità f’Għawdex. L-applikazzjonijiet huma disponibbli online minn fuq is-sit: www.mgoz.gov.mt jew mill-mobile app ‘mygozo’.​

   

Il-Ġimgħa 6 ta’ Lulju 2018

 

,

One response to “Skema ta’ rifużjoni għall-impjiegi f’Għawdex”

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *