Il-Ministeru għall-Finanzi jilqa’ b’sodisfazzjon l-evalwazzjoni tal-aġenzija tal-kreditu Standards & Poor’s, li qed tafferma li l-ekonomija ta’ Malta hi stabbli u li hi mistennija li tkompli tikber għas-snin li ġejjin, grazzi għar-riforma fil-qasam tal-enerġija tal-Gvern ġdid, kif ukoll għall-inizjattivi biex aktar nisa joħorġu jaħdmu.
Ir-raport ta’ S&P, ippubblikat illum, irriafferma l-credit rating ta’ Malta ta’ ‘BBB+/A-2’, bi prospetti stabbli.
Fir-rapport, l-iS&P irrikonoxxiet “l-effettività istituzzjonali u governattiva, kif ukoll l-ekonomija reżiljenti, ta’ Malta,” u bassret li “l-ekonomija Maltija se tikber b’ 2.4 fil-mija din is-sena u ftit aktar minn medja ta’ 2 fil-mija tul l-erba’ snin li ġejjin.”
Il-Ministeru jilqa’ b’sodisfazzjon ukoll ir-rimarki tal-iS&P li “hemm possibiltà li l-ekonomija ta’ Malta tikber b’rata aktar mgħaġġla milli qed nantiċipaw” jekk “it-turiżmu jkompli jeċċedi l-aspettattivi jew jekk il-manifattura, partikolarment il-microelectronics, jirkupraw b’mod b’saħħtu.”
“Għall-2014, it-tkabbir se jkun iġġenerat mill-bini ta’ impjant ġdid ta’ liquefied natural gas (LNG) u l-interconnector ma’ Sqallija, kif ukoll mill-konsum privat. Il-konsum privat ibbenefika kemm mit-traħħis tat-tariffi, kif ukoll mill-politika tal-gvern li żidet ir-rata ta’ parteċipazzjoni tan-nisa fil-qasam tax-xogħol minn livelli relattivament baxxi.”
Il-Ministeru jinnota wkoll it-tbassir tal-S&P li “d-dejn ġenerali tal-gvern, mingħajr assi likwidi, laħaq 63 fil-mija fl-aħħar tal-2013, u aktarx jistabilizza minn din is-sena grazzi għall-konsolidazzjoni fiskali u output ogħla.”
L-analiżi tali-S&P turi li d-direzjoni tal-Gvern il-ġdid għall-ewwel sena tiegħu rriżultat f’qawmien ekonomiku pożittiv u inkoraġġanti, u li diġà qed jibda jiżra’ ż-żerriegħa għal aktar tkabbir ekonomiku fil-ġejjieni.
Il-Gvern jibqa’ determinat li jissalvagwardja u jżomm il-finanzi sostenibbli u l-momentum ekonomiku li l-pajjiż irnexxielu jikseb, fl-interess ta’ aktar tkabbir ekonomiku, u l-ħolqien ta’ aktar xogħol ta’ kwalità.
– Friday, 11th July, 2014