Surplus għan-nies biex jindirizza inġustizzji tal-passat


Għat-tielet sena wara oħra l-gvern qed iżomm il-wegħda elettorali li jindirizza anomaliji u inġustizzji tal-imgħoddi. Dan qed isir mill-ġdid b’sejħiet għall-applikazzjonijiet mingħand tliet kategoriji ta’ persuni jew l-eredi tagħhom. Dawn huma l-eks ħaddiema tal-korpi mwaqqfa qabel l-1979, l-eks ħaddiema tax-xatt u uffiċjali tal-pulizija.

Huwa stmat li bejniethom dawn il-persuni din is-sena ser jkunu intitolati għal għotjiet li jlaħħqu madwar ħdax-il miljun ewro. B’hekk fuq medda ta’ tliet snin in-nefqa tkun telgħet għal madwar €34.4 miljun.

Dawn id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon u mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna.

Dawn l-iskemi ser jkunu bi tkomplija ma’ dawk maħruġa fl-aħħar sentejn u li minnhom se jgawdu ’l fuq minn 6,000 persuna. Iż-żmien biex wieħed japplika taħt it-tliet skemi jagħlaq fit-28 ta’ Ġunju 2019. Il-ħlasijiet jsiru aktar tard matul is-sena wara proċess ta’ verifika.

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li din hija l-politika li jrid ikompli jadotta dan il-gvern; li jkompli jagħmel surplus ħalli b’hekk fost affarijiet oħra, nkunu nistgħu nindirizzaw inġustizzji oħra u fl-istess waqt il-ġid ikompli jasal għand kulħadd.

“Is-surplus li aħna nitkellmu dwaru irid jissarraf, u qed jissarraf għall-fatt li l-gvern għandu l-mezzi biex iżomm kelmtu u jara li jtaffi l-inġustizzji li għaddew minnhom dawn il-ħaddiema fl-imgħoddi,” qal il-Ministru għall-Finanzi.

Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon qal li jum wara jum qed nkomplu naraw xhieda ta’ dak li jwiegħed il-gvern, jimmaterjalizza f’ġid imqassam lil dawk il-persuni li magħhom saru inġustizzji fil-passat. Spjega kif dan l-eżerċizzju huwa eżempju ieħor ta’ kif qed tkompli titwettaq ġustizzja soċjali.

Il-Ministru Michael Falzon qal illi dan il-gvern tassew jemmen fil-ġustizzja soċjali u anzi mar pass oltre, għalkemm il-gvern ma kienx legalment marbut li jagħmel dawn il-pagamenti, għamilhom xorta. Din hija prova konkreta oħra ta’ kemm huwa tabilħaqq minnu illi, għat-tielet darba konsekuttiva kellna surplus għan-nies, temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.

 

25th April 2019

 

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *