Tkompli d-diskussjoni dwar il-‘budget’ mal-MCESD


F’laqgħa ta’ konsultazzjoni tal-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna mal-imsieħba soċjali fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), il-Ministru qal li l-ħidma għall-budget hi bbażata fuq numru ta’ laqgħat mal-ministri, mal-imsieħba soċjali u mal-pubbliku inġenerali.

 

 

Waqt il-laqgħa l-imsieħba soċjali ppreżentaw 130 proposta li jemmnu li jistgħu jkunu implimentati fil-budget għas-sena 2018.

 

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET EWROPEJ U L-UGWALJANZA

Il-Ministru Scicluna nnota li hemm proposti mill-imsieħba soċjali u mis-soċjetà ċivili li l-Gvern qed jikkunsidra filwaqt li hemm oħrajn li l-Gvern diġà hu kommess li jimplimenta għax huma parti mill-manifest elettorali.

Dan il-gvern, bħalma dejjem għamel, qed jevalwa kemm se tiswieh kull miżura biex il-finanzi tal-Gvern jibqgħu jirreġistraw bilanċ pożittiv.

Wara l-laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika f’Għawdex il-Ħamis li għadda, issa jmiss laqgħa f’Malta għada t-Tlieta, u business breakfast nhar l-Erbgħa, 20 ta’ Settembru, qal il-Ministru Scicluna.

 

[nggallery id=316]

 

Għal-laqgħa tal-MCESD kienu mistiedna wkoll il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia.

Il-Ministru Helena Dalli rrimarkat li l-budget hu eżerċizzju importanti għall-pajjiż u l-konsultazzjoni li ssir mal-MCESD dwar proposti li s-sħab soċjali jixtiequ li jkunu inklużi hi kruċjali. “Huwa meta kulħadd ikun mismugħ, qabel jittieħdu d-deċiżjonijiet, li nistgħu nimxu ’l quddiem bl-aħjar mod fil-kuntest u fiċ-ċirkostanzi li qed fihom pajjiżna”, qalet Dr Dalli.

Il-Ministru tkellmet dwar kemm hu importanti li s-sehem tas-sħab soċjali jkompli jissaħħaħ ħalli nkomplu nibnu fuq is-suċċessi li kiseb u qed jikseb il-pajjiż fl-interess taċ-ċittadini kollha. Ir-riżultati li kiseb pajjiżna matul l-aħħar snin setgħu jinkisbu għax ħdimna f’dan l-ispirtu ta’ djalogu soċjali, sostniet il-Ministru Dalli.

Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia qal li l-MCESD għandha sservi ta’ “bridge to the future” u ma jkunux diskussi biss proposti li jsolvu sfidi immedjati iżda anke proposti li jipprevjenu problemi li se jiżviluppaw fis-snin li ġejjin. Hemm konverġenza bejn il-viżjoni fit-tul tal-Gvern u dik tal-imsieħba soċjali li jibnu fuq miżuri li ġew introdotti fil-leġiżlatura li għaddiet, irrimarka Aaron Farrugia.

Dr Farrugia qal ukoll li l-proposti ppreżentati mill-MCESD juru li l-isħab soċjali qed jagħrfu li l-istat finanzjarju u r-rekord ta’ impjiegi f’pajjiżna huma ferm aħjar minn dawk ta’ stati membri oħrajn fl-Unjoni Ewropea għax kieku qed ikunu diskussi miżuri totalment differenti.

 

-11th September, 2017

,

2 responses to “Tkompli d-diskussjoni dwar il-‘budget’ mal-MCESD”

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *