“Ħafna jaħsbu li l-kobor tal-gvern hu mkejjel f’kemm jagħmel proġetti kbar u kumplessi. Iżda dan il-gvern jemmen li l-veru kobor hu li jaħseb f’kulħadd, inkluż iż-żgħir ħafna. B’din il-miżura dan il-gvern qed jaħseb f’dawn l-individwi fl-attività ekonomika ċkejkna tagħhom”, qal il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna waqt konferenza stampa fid-Dipartiment tal-VAT f’Birkirkara.
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI
Il-Ministru żied li ż-żgħar m’għandhomx jiġu mgħobbija b’dan il-piż tal-burokrazija. aFost dawn, wieħed jista’ jsib il-pensjonanti, xi nisa tad-dar li jaħdmu għal kumpaniji li joffru piece work u oħrajn.
Il-Ministru spjega li kif tħabbar fil-budget għall-2018, il-limitu ta’ turn-over li taħtu l-fornituri tas-servizzi jibqgħu eliġibbli għar-reġistrazzjoni żdied minn €14,000 għal €20,000 f’perjodu ta’ 12-il xahar tal-kalendarju. Dawn l-intrapriżi u l-individwi xorta jikkontribwixxu għall-ekonomija permezz tal-VAT li jħallsu fuq l-inputs tagħhom”.
Din l-iskeda teżenta mill-VAT lil persuni taxxabbli u li l-attività ekonomika tagħhom tikkonsisti prinċipalment fil-provvista ta’ servizzi b’valur miżjud għoli u li d-dħul annwali tagħhom ma jkunx ogħla minn €20,000.
Il-Ministru Scicluna temm jgħid li, “Il-gvern hu impenjat li jindirizza l-evażjoni fiskali u l-ġid tal-pajjiż u b’hekk irid jaċċerta li t-taxxa, il-VAT u s-sisa jiġu mħallsa minn kulħadd għal raġunijiet ovvji”.
Tuesday 19th June 2018