Mhux l-ewwel darba li jiġu individwi fuqi u jirrimarkaw li li l-Gvern għandu jagħmel iżjed biex ixejjen il-kampanja li għaddejja ta’ gideb kontra Malta, liema gideb qed iwassal biex jintefa’ dell ikrah u titnaqqas ir-reputazzjoni tajba ta’ pajjiżna.
Il-maġġoranza tal-poplu Malti jridna li nitkellmu iktar u nipprotestaw bil-qawwa kontra din l-inġustizzja u l-ħsara li qed issir kontra pajjiżna. Triduna li nieqfu ma’ min qed jagħmel din il-ħsara biex nuru l-fatti veru kif inhuma, ħalli forsi, dan il-gideb sfrenat ma jkomplix jingħad.
X’inhu l-aħjar li jsir, mhux faċli tiddeċiedi.
Wieħed mill-aħħar attakki li saru kontra Malta, kien dak tal-Membru Parlamentari Ewropew, Sven Giegold, li jien naf sew minn meta kont jien stess Membru Parlamentari Ewropew.
Dan il-Membru Parlamentari Ewropew, iddeċieda li joħroġ jgħid li jew Malta tibda tagħmel riformi, li skont hu mhumiex isiru, jew inkella l-bank internazzjonali, l-HSBC, għandu jitlaq minn Malta u allura jkun hemm numru sostanzjali ta’
ħaddiema li jitilfu l-impjieg tagħhom.
Irrid insemmi li dan l-individwu m’għandu l-ebda poter u awtorità li jgħidilna x’nagħmlu wisq anqas li jiddetta x’jagħmel bank internazzjonali bħalma huwa l-HSBC. Mhux hekk biss, imma dan il-persunaġġ, tant ilu jgħid ħmerijiet kontra Malta li fil-verità wasal f’punt li ħadd ma għadu jagħti kasu.
Iżda din id-darba ġara fenomenu ieħor. Il-midja internazzjonali, filwaqt li hemm bosta aħbarijiet reali li kellhom jiktbu dwarhom, bħall-każijiet ta’ ħasil ta’ flus li jammontaw il-biljuni ta’ ewro f’pajjiżi oħra Ewropej dehrilhom li dak li qal dan Sven Giegold, kellu jiġi rrappurtat u jingħata prominenza f’ċerti midja internazzjonali. Dan bilfors iġiegħlek tasal għall-konklużjoni li wara dan kollu, hemm pjan ċar, pjan li għandu l-għan li jagħmel ħsara kbira lil pajjiżna. Din il-konklużjoni mhix xi fantasija. Ġew irrappurtati bosta artikli kontra Malta, f’diversi ġurnali internazzjonali speċjalment dan ix-xahar li juri biċ-ċar li hemm kurrenti minn taħt għaddejjin biex ikomplu jħammġu isem Malta.
Biżżejjed insemmi, l-artiklu li nkiteb fuq il-Financial Times f’nofs il-ġimgħa l-oħra. Mhux se nagħti tort lil dan il-ġurnal, Huwa dmiru li jwassal aħbar bħal dak li rrappurta dwar Malta. Biss, huwa każ ferm u ferm stramb u mhux spjegabbli, li Kummissarju Ewropew, bħalma hija Vera Jourova, tħabbar informazzjoni dwar x’qed jiġi kkuntemplat li jsir, dik li toħroġ opinjoni dwar Malta, mhux lill-Prim Ministru ta’ Malta jew lil xi Ministru Malti, u dan kellha ċ-ċans tagħmlu, iżda, tagħti din l-aħbar esklussiva, lill- ġurnal influwenti u li jiffoka fuq is-settur finanzjarju, lill-Financial Times.
Irrid insemmi wkoll li reġgħu bdew iseħħu attakki fuq il-ġurnali Ġermaniżi. Uħud minn dawn il-ġurnali, reġgħu bdew bil-kantaliena ta’ attakki u qlajjiet kontra Malta. Iżda wieħed ma jistax ma jsemmix, li filwaqt li dawn il-ġurnali, lesti li jirra-
ppurtaw il-qlajjiet, mhumiex lesti li jirrappurtaw il-verità. Dawn il-ġurnali, kienu ilhom ħmistax-il xahar jirrappurtaw, ripetutament, li l-mara tal-Prim Ministru ta’ Malta, kellha kontijiet fil-bank Pilatus, mil-liema kont ġew mgħoddija mijiet ta’ eluf ta’ ewro.
Ħarġet l-inkjesta maġisterjali, u dawn il-ġurnali, waqgħu fil-muta. Wieħed kien jistenna li fuq il-paġni ta’ quddiem ta’ dawn il-ġurnali, ikun hemm b’titli kbar li dan il-każ kien gidba mill-bidu sal-aħħar. Wieħed kien jistenna li jaqra fuq dawn il-ġurnali kif kien hemm min xehed falz; kif kien hemm firem iffalsifikati fuq dokumenti ffalsifikati.
Xejn minn dan. Lanqas kien hemm sentenza li tgħid li ma kien hemm l-ebda verità u ma kien hemm l-ebda evidenza li l-mara tal-Prim Ministru ta’ pajjiżna, qatt kellha xi kont bankarju mal-imsemmi bank.
Agħar minn hekk, il-midja Ġermaniża, mhux biss qed tinjorja l-fatti sagrosanti, iżda għadha qed tirrapporta li l-mara tal-Prim Ministru qed tiġi investigata fuq tranżazzjonijiet li saru ma’ bank ġewwa pajjiżna. Din il-midja Ġermaniża, qed tinjora kompletament dak li kkonkludiet l-inkjesta maġisterjali u terġa’ treġġa’ l-arloġġ lura għal meta saru l-allegazzjonijiet.
Dawn huma l-istess ġurnali li jħambqu fuq id-dritt tal-liġi, il-famuża Rule of Law – imma fejn jaqbel lilhom. Dan kollu jwasslek għal dilemma ta’ kif se tirreaġixxi. Għax kull pajjiż ikun irid juri u jgħid x’inhu jagħmel f’dak li għandu x’jaqsam fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata; li juri x’miżuri qed jieħu biex jiġġieled il-ħasil ta’ flus u l-finanzjament tal-kriminalità minn attività illeċta. U mhux jiddefendi ruħu għall-allegazzjonijiet foloz.
Malta qed tieħu bosta azzjonijiet u miżuri biex nikkumbattu din it-tip ta’ attività illegali. Qed naħdmu bil-bosta biex min jinqabad li hu involut f’din it-tip ta’ attività jitressaq il-Qorti u jekk jinstab ħati, jeħel il-pieni ħorox li hemm ikkontemplati fil-liġijiet. Imma jkun żball li wieħed jaħseb li din hi xi ħaġa faċli. Xejn minn dan. U din id-diffikultà tinsab f’kull pajjiż.
Dan il-pjan biex nikkumbattu din it-tip ta’ kriminalità ma bdietx ilbieraħ. Biżżejjed ngħid, li proprju fis-sena 2013, kif ġejt mogħti d-dekasteru tal-Finanzi, tlabt li jsir eżerċizzju magħruf bħala National Risk Assessment fejn ġie evalwat kull settur ekonomiku ta’ pajjiżna ħalli naraw kull wieħed minn dawn is-setturi, x’riskju għandu fejn għandu x’jaqsam il-ħasil ta’ flus. Wara dan l-istudju, li sar b’reqqa kbira u ħa numru ta’ snin biex tlesta, mir-riżultati li ħarġu, fassalna pjan ta’ miżuri li għandhom iservu biex inkomplu nsaħħu s-sistemi u l-istituzzjonijiet tagħna biex jilqgħu għal dawn l-isfidi. U hawn hi d-dilemma tiegħi u ta’ dan il-Gvern.
Irridu nipprotestaw; iżda fl-istess ħin ma rridux nintilfu fuq hekk biss u rridu nuru li qed naħdmu bis-serjetà biex nikkumbattu l-ħasil ta’ flus; qegħdin insaħħu l-istituzzjonijiet tagħna biex ikunu attrezzati aħjar, kemm f’riżorsi umani kif ukoll f’teknoloġija neċessarja.
Iżda, inħossu li l-eżaminaturi tagħna, li huma istituzzjonijiet internazzjonali bħalma hija l-Kummissjoni Ewropea u l-Awtorità tal-Banek Ewropej, fost l-oħrajn, ikunu nfurmati bil-verità u mhux bil-qlajjiet.
Il-fatti riċenti li ġew mikxufa sa issa, urew li l-ħasil ta’ flus b’mod goff ġraw f’pajjiżi ’l bogħod minn xtutna. Il-ħasil ta’ biljuni ta’ ewro seħħew minn istituzzjonijiet bankarji li joperaw ġewwa d-Danimarka; l-Olanda; l-Estonja; u l-Latvja.
Kif niftħu ħalqna, qed insibu l-midja internazzjonali, li f’ferneżija biex jiktbu kontra Malta, kif nippruvaw insemmgħu leħinna, jiktbu li qed inkaxkru saqajna, u l-ħażin li sar f’pajjiżi oħra, qegħdin ipinġuh li ġara f’pajjiżna.
Il-ħażin li ġara fil-pajjiżi li semmejt iktar ’ilfuq, dawn il-ġurnali internazzjonali, qegħdin apposta jħawdu l-imħuħ u jippruvaw jgħidu li Malta qed jiġri l-istess. Xejn minn dan. Fil-każ ta’ Malta l-plejtu li qed isir dwar l-FIAU hu dwar nuqqas ta’ proċeduri adegwati. Instab li meta saru spezzjonijiet kien hemm nuqqas ta’ proċedura ta’ kif kellhom jiġu miżmuma r-rapporti fuq l-ispezzjonijiet li saru. Iżda filwaqt li għadu ma ntqal xejn fuq x’passi se jittieħdu ma’ dawk ir-regolaturi li kissru r-regoli sfaċċatament, fuq nuqqas ta’ żamma ta’ rapport, qed issir kundanna permezz tal-midja u mhux skont il-liġi. Dan minn min irid jgħallimna r-Rule of Law.
Min veru jħobb lil pajjiżu, għandu jħossu urtat u rrabjat għal dak li qed jintqal fuq Malta. Kull Malti għandu jkun irrabjat jara wħud mill-Maltin bħalna lesti li jagħmlu ħsara daqshekk kbira lil pajjiżna. Dan il-gideb kollu kontra Malta, ġej minn fejn ġej, jista’ jwassal biex ikun hemm konsegwenzi koroh fuq l-opportunità ta’ impjiegi għal uliedna.
Nista’ nwiegħed minn hawn li dan il-Gvern xorta se jkompli jaħdem biex ikompli joħloq aktar ġid għal kull individwu li qed jgħix fi gżiritna. Għaliex dan il-Gvern iħobb lil pajjiżu bil-fatti.
Il-Ġimgħa 12 ta’ Ottubru 2018
One response to “Blitz mill-medja internazzjonali kontra Malta”
I don’t think the title of your article matches the content lol. Just kidding, mainly because I had some doubts after reading the article.