Aktar ma jsiru ‘summits’ tal-mexxejja tal-Unjoni Ewropea, aktar qiegħda tikber l-aspetattiva li l-aħħar soluzzjoni misjuba u miftiehma se tkun dik li ssolvi darba għal dejjem il-problemi li għaddejja minnhom l-ewro. Meta Olli Rhen bħala Kummissarju, ħabbar li l-kriżi tant hi serja li kien baqa’ biss għa-xart ijiem biex tinstab dik is-soluzzjoni aħħarija qabel ma ż-Żona taqa’ f’abbiss kbir. Wieħed kellu raġun jistenna li mis-‘summit’ ta’ nhar il-Ġimgħa, 9 ta’ Diċembru, toħroġ l-aħbar li l-mexxejja fl-aħħar kienu se jħabbru dik is-soluzzjoni li se tfejjaq il-mard ekonomiku li minnu għaddejja l-ewro, f’kelma waħda tinstab u titħabbar dik is-‘silver bullet’.
Dan is-‘summit’ wera biċ-ċar mhux biss li dan mhux il-każ, imma li għall-problemi li qiegħda tiffaċċja ż-Żona Ewro m’hemm l-ebda ‘silver bullet’. Li hemm żgur hi telgħa iebsa li l-pajjiżi jridu jitilgħu bi tbatija kbira tul snin sħaħ tal-ġejjieni. Dan għax is-soluzzjonijiet huma ferm diffiċli kemm politikament u kif ukoll ekonomikament.
Parti mill-miżuri mħabbrin kienu meħudin minn pakkett magħruf bħala s-‘six pack’ li kienu ġew proposti mill-Kumitat tagħna, dak għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarju u approvati mil-Parlament Ewropew. Il-Kunsill Ewropew qabadhom u ġabarhom flimkien fi speċi ta’ patt jew trat-ttat ġdid bejn 26 pajjiż għax kif nafu l-Ingilterra mhix parti minn dan il-ftehim. Dan jirrigwardha x’jiġri pereżempju meta pajjiż jeċċedi d-defiċit ta’ 3% jew inkella l-proporzjon tad-dejn jaqbeż is-60% tal-PGD, xiħaġa li spjegajtha f’dawn l-artikli qabel.
Magħhom hemm ukoll il-miżura li jiġu ppompjati aktar biljuni ta’ ewro biex jiżdied u jikber il-Fond magħruf bħala ESFS. Dan se jżiduh bejn €200 u €250 biljun. Din id-darba dawn mhux se jingħataw bħala garanziji imma fi flus. Dawn il-flus se jinħarġu mir-riżervi tal-Banek Ċentrali ta’ kull pajjiż membru u jgħadduhom lill-Fond Monetarju Internazzjonali. Dan wara jgħaddihom lill-Fond Ewropew.
Pajjiżna se jgħaddi lill-IMF somma ta’ bejn €150 u €200 miljun li jridu joħorġu mir-riżervi tal-Bank Ċentrali ta’ Malta. S’intendi dawn naqilgħu l-imgħax fuqhom bħal ma konna qegħdin nagħmlu qabel. Però ma ndaħħkux in-nies bina u ngħidu li dan hu xi ġest għaqli għax huwa investiment tajjeb, qisu qabel il-flus kienu f’xi kantina tal-Bank Ċentrali.
It-tielet miżura hija ftehim bejn il-pajjiżi li jifformaw il-patt li tiddaħħal fil-kostituzzjoni ta’ kull pajjiż, klawsola li biha l-pajjiż jintrabat li l-baġits għal quddiem iridu jkunu bilanċjati u ma jkunx hemm defiċits. Jekk xi pajjiż ikollu l-ħtieġa li jagħmel defiċit, allura dan ma jridx jaqbeż il-0.5%. Kull pajjiż irid jara kif se jagħmel dan it-tibdil fil-kostituzzjoni tiegħu, pass li mistenni joħloq problemi politiċi f’uħud mill-pajjiżi.
Bħala ekonomista, jien jinteressani kif din il-miżura ta’ tibdil fil-kostituzzjoni tal-pajjiżi, li ddaħħlet fil-patt fuq talba tal-Ġermanja, se taħdem. Mill-aspett ekonomiku nafu li idealment il-baġits iridu jibbilanċjaw ruħhom b’mod li fuq medda ta’ żmien ma jkabbrux id-dejn. Iżda dan mhux possibbli jsir kull sena. Dan għax fi żmien ta’ riċessjoni wieħed jistenna li jkun hemm id-defiċits. Filwaqt għall-kuntrarju wieħed jistenna li jsiru s-surplusses fi żmien meta l-ekonomija tkun sejra tajjeb u tkun tista tiġbor aktar taxxi. Jiġifieri wieħed irid jara li l-baġits jibbilanċjaw ruħhom fuq medda ta’ żmien li tinkludi ċ-ċiklu ekonomiku sħiħ. Wieħed għad irid jara kif din se tinkiteb fil-kostituzzjoni ħalli tippermetti li l-bilanċ fil-baġit jintlaħaq b’dan il-mod.
Bħalissa qed jingħad li jekk id-defiċit jispiċċa jaqbeż il-0.5%, jidħlu fis-seħħ awtomatikament ċerti miżuri bis-saħħa tal-liġi nnifisha li mbagħad il-Gvern ikollu jimplimenta tnaqqis fl-ispejjeż tiegħu jew inkella jara kif iżid id-dħul tiegħu biex inaqqas id-defiċits għal dak li hu permess.
Wieħed irid jara wkoll x’jiġri jekk din il-miżura ma taħdimx. Jiġifieri inutli jekk fuq il-karta u fil-kostituzzjoni ikollok dan il-mekkaniżmu mbagħad jekk l-ekonomija tmur ħażin, kif ġara f’din il-kriżi, fejn d-defiċits splodew ’il fuq u ħolqu il-problema minkejja li f’ċerti każi d-defiċits u d-djun kienu ferm baxxi qabel il-kriżi.
Apparti s-Summit, l-aktar politika effikaċi kienet dik monetarja u li għalhekk ħarġet mill-Bank Ċentrali Ewropew. Din il-miżura li se tibda sseħħ minn għada, 20 ta’ Diċembru, ġiet imfissra lilna fil-laqgħa li jien u sħabi kellna mal-President tal-Bank Mario Draghi. Din il-politika tgħid li l-Bank se jibda jsellef għal tliet snin sħaħ, lil kull bank fl-Ewropa li jkollu bżonn iżid il-likwidità.
Il-Bank Ċentrali Ewropew se jitlob ukoll lil dawn il-banek ibaxxu dak li bl-Ingliż tissejjaħ ‘reserve ratio’ ħalli huma mbagħad ikunu jistgħu jsellfu iżjed minn qabel lill-kumpaniji privati. Dan nafu li hu importanti għax huma l-kumpaniji privati li joħolqu x-xogħol. Huwa kkalkulat li dawn joħolqu 60% tal-impiegi u allura huwa importanti li l-likwidità ta’ dawn il-banek li jissellfu minn għandhom qatt ma tixxotta. B’hekk jibqgħu jsellfu lill-intrapriżi li jkollhom bżonn kapital jew ‘overdrafts’ biex joperaw.
Il-Bank Ċentrali Ewropew se jsellef dawn il-flus b’imgħax ta’ 1%. Però għal futur din tkun marbuta mar-rata tal-Bank li tista’ tiċċaqlaq minn żmien għal żmien. Bħala garanzija, il-Bank Ċentrali Ewropew lest li jaċċetta anke s-self ta’ dawn il-banek żgħar u kbar, jipprovdu lill-kumpaniji, bħala ‘collateral’. F’kull pajjiż inkluż Malta ikun l-Bank Ċentrali ta’ pajjiżu li jiddeċiedi liema huwa s-self li jagħmel tajjeb bħal ‘collateral’ li jitpoġġa mal-Bank Ċentrali.
Din hija aħbar tajba għax b’hekk waħda mill-problemi tal-kriżi, dik li qiegħda tonqos il-likwidità tal-banek Ewropej tittaffa permezz tal-politika monetarja inqas restrittiva tal-Bank Ċentrali Ewropew.
l-orizzont – It-Tnejn, 19 ta’ Dicembru, 2011
2 responses to “Sibniha s-‘silver bullet’ għall-kriżi”
SHADOW OF DEATH where can i buy priligy online safely You can get the same amount of this life saving medication in Canada for about 20
To compare the effects of TMX ATP with those of VX 809 VX 770 FSK, average current voltage relationships for both the experimental conditions were plotted Fig can i purchase cheap cytotec pill