Aktar kmieni din il-ġimgħa wara laqgħa twila fi Brussels il-Ministri tal-Finanzi taż-Żona Ewro laħqu ftehim li jsellfu lill-Greċja €130 biljun oħra biex tevita falliment ċert. Għaliex damu dawk is-sigħat kollha biex laħqu l-ftehim? Il-verità hi li mhux sigħat twal biss ħadu iżda ġimgħat twal għax din l-istorja ilha ġejja minn qabel il-milied.
Il-problema hi li l-Greċja kienet ħadet diġà ‘bailout’ ieħor. Madwar sena u nofs ilu kienet ġiet imsellfa €110 biljun. Dak iż-żmien, bħal din id-darba, fuq is-swieq finanzjarji internazzjonali l-Greċja ma sabitx min issellfilha. Ma’ dan l-ewwel ‘bailout’ kienu tpoġġew ċerti kundizzjonijiet. Dawn tista’ tgħidilhom ħorox kemm trid iżda l-punt hu li l-Griegi ma mexewx magħhom. Ma żammewx kelmthom. Jiġifieri huma ddiżappuntaw lil minn sellfilhom u ddiżappuntaw wkoll anke lis-swieq internazzjonali.
Il-Greċja hu pajjiż fallut. Fallut fis-sens li l-pajjiż ma għandux riżorsi biżżejjed biex jitħallsu dawk id-djun li jimmaturaw. La l-esportazzjoni u lanqas l-ekonomija ma jistgħu jirpiljaw biex ilaħħqu mad-djun u ħlas tal-imgħax fuqhom.
Tawhom dawk il-flus kollha, somma sostanzjali, kbira, rekord u xorta ma żammewx kelmthom dwar dawk r-riformi jew bejgħ ta’ assi li wegħdu li se jagħmlu. Bir-riċessjoni li waqgħu fiha anke s-self ta’ somma oħra akbar ma kienet se tkun biżżejjed biex huma jeħilsu minn falliment.
Kien għalhekk li l-Ġermanja u l-pajjiżi l-kbar taż-Żona Ewro kellhom iduru fuq il-banek tagħhom u jitolbuhom dik li tissejjaħ “qata’ xagħar”. Dan ifisser li l-banek jaħfru parti sostanzjali tad-djun li huma għandhom ma’ dan il-pajjiż. Għal kull €100 f’bonds Griegi l-banek ġew mitlubin jaċċettaw li jinbidlu f’bonds oħra b’valur tan-nofs li kienu jiswew. Talbuhom li jagħmlu dan voluntarjament għax jekk le f’każ ta’ falliment kienu jitilfu kollox.
Però anke hawn, il-mod kif jitħallsu lura, l-imgħax fuq dawn il-bonds ġodda, x’tip ta’ garanziji kellhom ikollhom, baqgħu ma waslux għal ftehim. Kien Charles Dallara il-kap eżekuttiv tal-Institute for International Finance (IIF), persuna li jien naf sew u li kull sena jistedinni għal-laqgħat tal-IIF f’Washington, li bil-paċenzja kollha nnegozja min-naħa tal-banek kollha għal żmien twil u kien fl-aħħar sigħat li tista’ tgħid li ż-żewġ naħat waslu għal ftehim. Fil-ftehim li waslu għalih ħafru lill-Gvern Grieg madwar €110 biljun. Jiġifieri jekk qed iżżid 130 li se jsellfuhom iż-Żona Ewro u l-IMF ma’ dawn il-107 tal-banek li se jaħfrulhom qegħdin jingħataw somma ta’ madwar €240 biljun.
Billi bħas-soltu ftehim ta’ din il-kwalità jġib miegħu ċertu ottimiżmu, nistgħu ngħidu li dan issa jfisser li l-kriżi fiż-Żona Ewro hija solvuta? Ta’ min jgħid li anke wara dawn is-somom fenomenali l-isperanza hi li d-dejn tal-Greċja fis-sena 2020 jista’ jaqa’ biss għal 120.5% tal-PGD, rata li xorta tibqa’ kbira. Il-kundizzjonijiet marbutin magħhom huma aktar iebsin minn qabel u s-sorveljanza tagħhom hija ħafna iktar mill-qrib. Hemm dubji kbar fuq jekk il-Greċja tasalx u ma tfallix. Imma l-punt hu li ‘on paper’ jekk it-tkabbir ikun hekk u l-esportazzjoni daqshekk u l-investiment daqshekk u l-privatizzazzjoni timxi kif suppost allura, il-mudell jindika li fis-sena 2020 d-dejn jinżel għal 120.5%.
Però ejja ngħidu li dan il-ftehim jidher li se jaslu għalih. Jekk jiġri hekk ma tissolvix il-problema taż-Żona. Kull ma ssolviet hi l-ispekulazzjoni kbira li hemm fuq il-Greċja u li qiegħda tinfirex fuq l-Italja, il-Portugal u Spanja. Jiġifieri neħħejt il-pressjoni kbira li hemm bħalissa u xejn iżjed.
Però għad m’hemmx rimedji biex isewwu l-qafas difettuż taż-Żona Ewro. Kien għalhekk li gimagħtejn ilu tħaddidt fuq il-bżonn ta’ ħruġ tal-EuroBonds. Hemm sistemi kif l-arkitettura taż-Żona Ewro tirranġa ruħha biex tkun sostenibbli. Ħasra li l-Ġermanja għadha ma tridx tisma’ bih.
Mil-lat politiku wieħed jifhem li jekk tfalli l-Greċja għall-pajjiż ikun diżastru kbir. Mal-falliment jieqfu l-fornimenti taż-żejt, ħadd ma jkun irid ibigħilhom, ikun hemm il-ġuħ, ikun hemm kriżijiet u sagrifiċċji kbar fil-familji, mhux għax m’hemmx bħalissa, imma jkunu ferm, ferm ikbar.
Ħadd minn barra ma jkun irid jinvesti fil-pajjiż, anzi kulħadd joħroġ il-flus ’il barra, u jaqa’ veru f’pajjiż tat-tielet dinja. Ikun hemm kaos. Il-probabilità hi li anke jista’ jirriżulta kolp ta’ stat fejn il-militar jieħu l-kontroll. Jiġifieri hemm riperkussjonijiet kbar u mhux biss riperkussjonijiet fuq banek Ewropej. Żgur li ħadd ma jrid li dan isir.
Mill-banda l-oħra hemm dubji kbar. Mhux imbilli fuq il-karta tista’ tasal. Imma n-nies se jissaportu dawk il-programmi? Se jaslu?
Hemm pajjiżi oħrajn li qegħdin jaslu. L-Iżlanda eżempju għadha kemm ġiet ‘upgraded’ mir-Rating Agencies. L-Irlanda wkoll kważi nsejniha għax il-pajjiż aċċetta u qed ibati imma fil-kwiet u bil-mod il-mod bdew jerġgħu jitilgħu t-telgħa. Il-Portugall u Spanja għadhom qegħdin f’diffikultajiet. Però l-Greċja huwa pajjiż li mhux qiegħed jaċċetta dawn is-sagrifiċċji. L-għeruq tas-soċjetà Griega baqgħu jirribellaw. Nafu biżżejjed hekk kif kuljum naraw dawk il-protesti vjolenti fuq it-televiżjoni. Il-poplu ma jridx jaċċetta dak li qed jgħaddi minnu. Dawn qegħdin iwaħħlu fil-politiċi tal-pajjiż kif ukoll fl-Unjoni Ewropea. Qegħdin iwaħħlu f’kulħadd barra fihom infushom. Jumejn ilu għadna kemm smajna li sabu eluf ta’ familji li kienu qegħdin jieħdu l-pensjoni ta’ qraba li ilhom mejtin is-snin. Stejjer oħrajn tal-waħx qegħdin joħorġu mill-pajjiż kuljum. U allura m’għandekx garanzija politikament jekk dan il-pajjiż huwiex se jasal. Xi ħaġa li ħadd ma jista’ jgħid fiċ-ċert x’se jiġri. Dan jiddependi sew mill-poplu Grieg u sew mill-Unjoni Ewropea.
L-Orizzont, it-Tnejn, 27 ta’ Frar, 2012