L-ugwaljanza fil-kuntest ta’ bejn il-mara u r-raġel għandha ħafna aspetti. Kemm-il darba tkellimna dwar il-parteċipazzjoni tal-mara fil-kamp tax-xogħol, il-‘leave’ tal-maternità u aspetti oħrajn. Din id-darba ż-żewġ rapporti li għaddew mis-Sezzjoni Plenarja ta’ Strasburgu f’nofs il-ġimgħa l-oħra dwar dan is-suġġett jittrattaw direttament fuq min jieħu d-deċiżjoni l-iżjed importanti tal-pajjiż, sew fil-kamp politiku fejn jgħaddu l-liġijiet mil-Parlament, kif ukoll fis-settur privat, jiġifieri fil-boardrooms tal-ikbar kumpaniji, bħal, per eżempju, il-banek.
F’dawn l-istituzzjonijiet, l-persentaġġ ta’ nisa li jistgħu jieħdu l-ogħla deċiżjonijiet huwa baxx ħafna. Għall-inqas f’familja tradizzjonali ssib il-preżenza taż-żewġ sessi fejn id-deċiżjonijiet importanti idealment jittieħdu mill-mara u mir-raġel flimkien. F’numru kbir ta’ bordijiet madwar l-Ewropa u l-iżjed f’Malta, ma ssibx mara waħda.
Biss biss fil-Parlament Ewropew is-sitt rappreżentanti ta’ pajjiżna huma kollha rġiel. Bħalma aħna nħarsu lejn is-sitwazzjoni fl-Afganistan, fejn il-mara ma tistax tikxef wiċċha, jew inkella fis-Sawdi Arabja, fejn il-mara lanqas titħalla ssuq karozza, jien nassigurakom li fil-Parlament Ewropew meta jħarsu lejna bħala l-unika delegazzjoni magħmula kollha minn irġiel, dawn iħarsu lejna fl-istess dawl, jiġifieri li għadna pjuttost lura.
Għalfejn għandna naraw li jkun hemm iżjed nisa f’dawn il-karigi għoljin? Minbarra l-aspett dirett tal-ugwaljanza, illum nafu wkoll li jagħmel ħafna sens u hu ta’ benefiċċju ekonomiku. Studji sabu li f’organizzazzjonijiet kbar fejn in-nisa tħallew jieħdu deċiżjonijiet importanti, żdiedu il-profitti sostanzjalment u anke kien hemm tmexxija aħjar. Minbarra hekk, ikun dnub illi ma tużax it-talenti tan-nisa li llum qegħdin joħorgu mill-universitajiet f’numri akbar mill-irġiel.
Is-saqaf tal-ħġieġ
Wara li ngħata żmien biżżejjed biex jaraw jekk il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropeja setgħux ifasslu miżuri fuq bażi volontarja mingħajr l-ebda riżultat sodisfaċenti, inħass li wasal iż-żmien li mill-paroli nimxu għal-azzjoni. Dawn iż-żewġ rapport, wieħed ta’ Sophie in’t Veld u l-ieħor ta’ Sirpa Pietikäinen jittrattaw dan iż-żewġ aspetti għax jipprovaw kemm jista’ jkun ikissru dak li msejjaħ saqaf tal-ħġieġ, il-‘Glass Ceiling’. Ħafna jgħidu li l-mara hi libera biex tilħaq fejn trid però aħna nafu li dan is-saqaf qiegħed hemm u ngħidulu tal-ħġieġ għax ma jidhirx, huwa inviżibbli, imma qiegħed hemm xorta waħda. Is-siġra tarafha mil-frotta u l-fatt illi fil-Parlament Malti, fil-Parlamenti oħrajn u fil-‘boardrooms’ il-parteċipazzjoni tal-mara hi baxxa ħafna huwa sinjal li hemm xi diskriminazzjoni u ostakoli li bilfors qegħdin iżommu lin-nisa milli jilħqu dawn l-ogħla pożizzjonijiet.
Dan huwa hekk fl-Ewropa kollha fejn, per eżempju, 24% tal-persuni fil-Parlamenti fl-Istati Membri huma nisa, jiġifieri kwart. Fil-bordijiet huwa inqas jiġifieri bejn wieħed u ieħor hemm 12% biss. F’Malta hija ħafna iktar baxxa.
Il-kwoti
Li hemm interessanti fiż-żewġ rapport huma l-miri biex jintlaħqu sas-sena 2020. Dawn ir-rapporti fil-Parlament Ewropew juru x-xewqa li tintlaħaq parteċipazzjoni qawwija tal-mara sew fil-politikia, fil-Parlamenti u anke fejn jittieħdu deċiżjonijiet kbar – fil-kumpaniji, fil-‘boardrooms’ u fl-aġenziji tal-Gvern. Nixtiequ li l-parteċipazzjoni tiżdied ferm. Il-miri huma ta’ 30% sas-sena 2015 u 40% sa 2020 li huma miri ambizzjużi ħafna. Sintendi, wieħed irid iqis li f’ċerti pajjiżi tista’ tkun iżjed diffiċli biex jaslu għal dan il-persentaġġ. Però, qegħdin ngħidu li fil-parti l-kbira tal-Ewropa għandna nersqu lejn dik il-mira. Il-mod propost huwa wkoll kontroversjali – l-kwoti.
Dawn ir-rapporti qed jgħidu li f’pajjiżi li baqgħu lura fil-parteċipazzjoni tal-mara fid-deċiżjonijiet importanti, bħalma huma Spanja, il-Belġju, is-Slovenja, il-Portugall, il-Polonja u Franza, u għamlu l-kwoti elettorali, dawn irnexxew. Nafu li hawn ħafna li huma kontra l-kwoti. Mhux irġiel biss, anke nisa li irnexxew u jgħidulek li l-kwoti għalihom huwa nsult għax jgħidu li waslu mhux għax nisa u xi ħadd imbuttahom. Il-verità hi li dawn in-nisa li kellhom suċċess u rnexxilhom jaslu f’pożizzjonijiet għoljin forsi ma sabux l-ostakli, imma żgur li nisa oħrajn ikollhom ostakli diversi u ma jistgħux jaslu fejn waslu huma. Allura dawn il-kwoti għall-inqas għal żmien definit u temporanju, iwassalu biex ikun hemm ir-rappreżentanza tan-nisa ħalli tindara u mbagħad tkun iżjed faċli biex il-mara tiġi aċċettata aktar malajr f’dawn il-pożizzjonijiet għoljin li s’issa, kienu dejjem okkupati mill-irġiel. Aħna nixtiequ dan ukoll f’pajjiżna fil-Parlament Malti, fil-Parlament Ewropew b’rappreżentanza Maltija, fis-setturi pubbliċi u anke f’kumpaniji kbar privati. Hawn m’aħniex nitkellmu dwar kumpaniji żgħar, qed nitkellmu dwar kumpaniji kbar ta’ ċerta importanza fejn il-kwoti bħala miri jridu jintlaħqu biex eventwalment ikun hemm bilanċ aħjar bejn iż-żewġ sessi.
L-inqas rati baxxi huma f’Malta
Fil-każ ta’ Malta s’intendi wieħed jiddispjaċih jgħid li qegħdin fl-aħħar fi kwalunkwe statistika. Il-parteċipazzjoni tal-mara fil-kamp tax-xogħol, fid-differenzi kbar li hemm fis-salarji bejn in-nisa u l-irġiel li jeżistu fl-Ewropa iżda li jeżistu ħafna ikbar f’pajjiżna. Il-perċentaġġ ta’ nisa fil-Parlament Malti li huwa l-iżjed baxx ta’ inqas minn 9%. Anke fil-kumpaniji li huwa l-iżjed baxx fl-Ewropa ta’ 3% biss komparat ma’ 14% fl-Ewropa. Jiġifieri aħna għandna triq iebsa ħafna biex naslu għal dawn il-miri. Zgur illi Malta għandha ħafna x’taħdem u twettaq u allura jiena naħseb illi l-kwoti huma idea tajba biex għal inqas inkunu bdejna t-triq. S’intendi, mal-kwoti jrid ikun hemm appoġġ. Il-kwoti weħidhom ma jaħdmux. Irid ikun hemm għajnuniet lill-mara li waqt li tkun qiegħda tikkontribwixxi għas-soċjetà jkun hemm l-għajnuniet sew fid-dar kif ukoll fl-istrutturi tax-xogħol. Tajjeb insemmi li bħal fil-każ tal-‘leave’ tal-maternità, wieħed irid joqgħod attent li jeskludi kumpaniji żgħar ħafna għax din il-proposta mhijiex intenzjonat għalihom. Hu fl-istituzzjonijiet il-kbar fejn jittieħdu deċiżjonijiet pjuttost importanti li Malta għandha tagħmel l-għalmu tagħha biex ma tibqax l-aħħar. Għall-inqas tkun x’imkien fin-nofs u nisperaw li ’l quddiem tkun ferm aħjar milli hi llum.
L-Orizzont, It-Tnejn, 19 ta’ Marzu, 2012
3 responses to “L-ugwaljanza fid-deċiżjonijiet”
priligy usa However, mistletoe produced both pro and anti proliferative effects depending on dose 32
The latest I ve conceived a healthy pregnancy is nearly 5 months after LMP how to buy cheap cytotec without insurance The two enlarged axillary lymph nodes were also palpable
Indeed, initial screening of known ER ligands showed that certain steroidal compounds exhibited moderate affinity and potency preference for ERО±, whereas certain phytoestrogens and androgen derived diols had moderate preference for ERОІ 9 i want to buy clomid online Resistance to methicillin is present in more than 80 of the coagulase negative staph isolates